Monday, December 23, 2024

Speċjalista fix-Xjenza tal-Isport jingħaqad mal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport

Aqra wkoll

Christian Vassallo, kowċ rinomat fl-istrength and conditioning u speċjalista fix-xjenza tal-isport, ingħaqad mal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport bħala l-konsulent tiegħu fix-xjenza u r-riċerka tal-isport.

Il-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport, li se jibda jinbena fi ħdan il-Kumpless Sportiv tal-Kulleġġ San Alwiġi, se jkun skola indipendenti koedukattiva, speċjalizzata fl-isport li se tibda topera minn Settembru 2024. Il-kulleġġ jagħti valur miżjud lill-isport fi ħdan il-proċess ta’ tagħlim ħolistiku tal-istudenti-atleti. Il-faċilitajiet moderni u ta’ livell għoli se jospitaw programmi ta’ żvilupp sportiv għal studenti ta’ talent u potenzjal fil-futbol, ​​atletika, għawm u waterpolo. Dawn l-istudenti jkollhom l-opportunità li jibdew fil-kulleġġ mill-ewwel sena tal-iskola medja u jtemmu l-edukazzjoni tagħhom sal-livell tas-Sixth Form waqt li jilħqu il-potenzjal u l-objettivi tagħhom fil-qasam tal-isport.

Vassallo bħalissa qed jassisti lill-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport fit-twaqqif ta’ Ċentru tax-Xjenza u Riċerka tal-Isport mill-aktar modern li se jkun fil-qalba tal-kumpless sportiv u edukattiv tiegħu. Il-ħsieb ewlieni taċ-Ċentru hu li jispeċjalizza fl-iżvilupp atletiku fit-tul tal-istudenti-atleti, li jtejjeb il-wirjiet sportivi tagħhom filwaqt li jnaqqas ir-riskju ta’ injuries kemm għall-istudenti tal-Kulleġġ kif ukoll għall-komunità li se jservi. Dan se jinkiseb permezz tal-integrazzjoni olistika u applikata ta’ taħriġ individwalizzat, dijanjostika tal-prestazzjoni, monitoraġġ tal-atleti u riċerka pijuniera fil-qasam tax-xjenza tal-isport. Dan se jkun immexxi minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti li jaħdmu flimkien lejn viżjoni unika ta’ żvilupp għal prestazzjoni għolja.

Fl-aħħar snin Christian Vassallo kien kowċ tal-istrength and conditioning ma’ Arsenal FC Youth Academy u saħansitra fl-2017 kien magħżul il-kowċ emerġenti tas-sena fl-istrength and conditioning fir-Renju Unit. Vassallo għandu Baċellerat fix-Xjenza tal-Isport u l-Eżerċizzju mill-Università ta’ Loughborough, grad ta’ Masters fix-Xjenza u Strength and Conditioning mill-Università ta’ St Mary’s, Twickenham, u bħalissa qed jistudja biex jikseb il-PhD tiegħu fix-Xjenza tal-Isport, fl-Università ta’ Swansea.

Flimkien mal-eks plejer internazzjonali Malti, André Schembri, hu waqqaf il-kumpanija Traainer, netwerk ta’ speċjalisti multi-dixxiplinarji li flimkien jikkoordinaw il-preparazzjoni u l-appoġġ tal-prestazzjoni tal-atleti individwali.

Għal dawn l-aħħar tliet snin, Vassallo kien konsulent ma’ diversi organizzazzjonijiet u atleti ta’ kalibru internazzjonali, fosthom plejers tal-futbol fil-Premier League Ingliż u fil-La Liga Spanjola, plejers tal-hockey tal-Gran Brittanja, Hintsa Performance (Formula Racing), u Pioneered Athlete Performance (McLaren Racing).

Għal aktar tagħrif dwar il-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport żur is-sit www.mcs.edu.mt

Ekonomija

Sport