App ġdida dwar is-saħħa diġitali tista’ tbiddel l-mod kif miljuni ta’ persuni jimmaniġġjaw uġigħ kroniku fil-wiċċ ikkawżat minn disturbi temporomandibulari (temporomandibular disorders – TMDs) bis-saħħa tal-viżjoni tal-Konsulent Malti, il-Kirurgu Dentali Ross Elledge.
Żviluppata taħt il-kappa tal-Elledge Informatics Limited, XEDAQ (pronunzjata “zed-ack” bl-Ingliż iżda mnebbħa mill-kelma Maltija) hija pjattaforma ġdida mfassla biex tappoġġa lil min jgħix bit-TMD, kundizzjoni li taffettwa sa terz tal-popolazzjoni globali. Is-sintomi jistgħu jvarjaw minn iġġammjar tax-xedaq, diffikultà biex tomgħod, u uġigħ kroniku kif ukoll ansjetà u dipressjoni; iżda l-pazjenti spiss jirċievu ftit aktar minn parir ta’ darba u jitħallew jinnavigaw il-kura tagħhom waħedhom.
XEDAQ jimla dak il-vojt billi joffri gwida kontinwa u bbażata fuq l-evidenza għall-tip ta’ awtoġestjoni konservattiva – bħall-fiżjoterapija, timmodifika d-dieta, u li tieħu ħsieb l-istress – sabiex irawwem djalogu nfurmat u fit-tul bejn il-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa.
“Il-kumpannija Elledge Informatics temmen li l-pazjenti għandhom ikunu sħab mal-mediċi fil-kura tas-saħħa tagħhom stess,” qal Elledge. “Ikkreajna XEDAQ bħala għodda biex nagħtu vuċi lil pazjenti, kif ukoll appoġġ sostnut u aċċess għal informazzjoni affidabbli – biex ikollhom is-setgħa li jsawru b’mod attiv l-irkupru tagħhom u mhux iħossuhom imwarrba jew iżolati.”
Gradwat mill-iskola dentali tal-Università ta’ Malta, Elledge għandu rabtiet familjari u professjonali importanti f’Malta u ta’ spiss ikun Malta fuq xogħol. “L-użu tal-kelma Maltija ‘xedaq’ kien xi ftit jew wisq irreżistibbli għalija,” qal Elledge.
Elledge, li attenda l-Kulleġġ San Alwiġi, ġie l-ewwel fil-klassi tal-gradwazzjoni tiegħu fl-2003 fl-Università ta’ Malta, u ħadem għas-servizz nazzjonali tas-saħħa f’Malta qabel ma mar ir-Renju Unit. Fl-2006 sar Sieħeb tal-Fakultà tar-Royal College of Physicians and Surgeons of Glasgow. Fl-2010 lesta lawrja medika aċċellerata b’distinzjoni u ngħata l-Midalja tad-Deheb Sir Arthur Thomson u l-Premju tal-Kanċillier, għall-kisbiet eċċellenti u kontribuzzjonijiet għall-ħajja ġenerali tal-Università ta’ Birmingham.
Minn dak iż-żmien ‘l hawn, tul il-karriera tiegħu ħadem fl-aktar sptarijiet prestiġjużi tar-Renju Unit, u kiseb distinzjonijiet kemm fil-mediċina kif ukoll fl-edukazzjoni. Illum, huwa wieħed mill-ftit kirurgi tar-Renju Unit li jwettqu l-mandat sħiħ ta’ kirurġiji TMJ (temporomandibular joint). Huwa jokkupa l-kariga ta’ Konsulent fil-Kirurġija Orali u Maxillofaċċjali fil-University Hospitals Birmingham NHS Foundation Trust.
L-impenn tiegħu għall-innovazzjoni fil-kura tal-pazjenti huwa akkumpanjat minn pedament akkademiku b’saħħtu, flimkien ma’ snin ta’ esperjenza fit-trattament ta’ eluf ta’ pazjenti, li ffurmaw l-iżvilupp ta’ XEDAQ – mhux biss bħala prodott diġitali, iżda bħala risposta għal ħtieġa umana.
“It-teknoloġija ma tistax tissostitwixxi lit-tobba – iżda tista’ ttejjeb radikalment kif tingħata l-kura,” spjega Elledge. “Bl-ismartphones kważi f’kull but, il-pazjenti issa għandhom is-setgħa li jieħdu ħsieb saħħithom stess. XEDAQ huwa l-mod tagħna kif nagħmlu dan possibbli, etikament u b’mod effettiv.”
Dwar Elledge Informatics Limited
Imwaqqfa fl-2023, Elledge Informatics hija kumpanija tas-saħħa diġitali li tiżviluppa għodod biex inaqqsu d-distakk bejn il-kura episodika u l-appoġġ li jkun meħtieġ ta’ kuljum. Il-proġett ewlieni tagħha, XEDAQ, huwa mfassal biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ dawk li jbatu minn disturbi temporomandibulari permezz ta’ ġestjoni aċċessibbli, bbażata fuq l-evidenza u awto-gwidata.
Dwar XEDAQ
L-app XEDAQ jintuża għall-appoġġ ta’ kuljum għal TMD biex pazjenti jinnavigaw l-uġigħ u disfunzjoni kronika tax-xedaq bl-użu ta’:
– Vidjows qosra, audiofiles u artikli għall-informazzjoni;
– Kwestjonarji sempliċi biex wieħed jifhem is-sintomi kuljum;
– Validazzjoni tal-kwestjonarji sabiex nifhmu l-uġigħ, il-problemi tax-xedaq u l-burdata tal-pazjenti;
– Kapaċità li taħżen l-informazzjoni biex tiggwida l-konsultazzjonijiet;
– Informazzjoni biex il-pazjenti jkunu jistgħu jiggwidaw huma l-professjonisti tal-kura dwar TMD;
– Listi ta’ esperti għall-ispeċjalisti qrib il-pazjenti.
XEDAQ mhuwiex kura jew trattament għal TMD. Filwaqt li XEDAQ huwa mfassal biex jgħin biex inaqqas l-impatt tat-TMD, ma għandux jintuża bħala sostitut għal, jew jissostitwixxi parir mediku professjonali, dijanjożi jew trattament. Jekk għandek xi mistoqsijiet jew tħassib dwar il-kwistjonijiet ta’ TMD tiegħek jew dwar is-saħħa b’mod ġenerali, għandek dejjem tikkonsulta mat-tabib tiegħek. It-Termini tal-Użu jistgħu jinstabu fuq https://elledgeinformatics.com/legal.html