Sunday, November 10, 2024

Spekulazzjoni li l-eks mexxej ta’ Sri Lanka jista’ jirritorna fil-pajjiż

Aqra wkoll

Uffiċjal fl-amministrazzjoni tas-Sri Lanka qal li l-eks President Gotabaya Rajapaksa mistenni li jirritorna lura lejn pajjiżu minn Singapore. Kelliemi għall-kabinett, meta kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti, qal li Rajapaksa mhux qiegħed f’Singapore biex jistaħba. Iżda s’issa għadu mhux magħruf meta se jkun qiegħed jirritorna f’pajjiżu. 

L-eks mexxej tas-Sri Lanka kien telaq mill-pajjiż wara protesti kbar minħabba l-kriżi ekonomika li qiegħed jesperjenza l-pajjiż. Ħafna ċittadini qalu li t-tort tal-kriżi ekonomika huwa kollu minħabba t-tmexxija ħażina ta’ Rajapaksa. L-eks President kien telaq mill-pajjiż fit-13 ta’ Lulju u mar il-Maldives, u l-għada telaq lejn Singapore. Hekk kif wasal ġewwa Singapore huwa kien issottometta r-riżenja tiegħu minn President u din kienet ġiet aċċettata mill-kabinett tas-Sri Lanka. 

L-eks President kien telaq mill-pajjiż flimkien ma’ martu u żewġ uffiċjali tas-sigurtà u issa m’għadux igawdi minn immunità bħala kap ta’ stat. L-awtoritajiet ta’ Singapore qalu li l-president ma talabx kenn politiku hekk kif wasal fil-pajjiż, u kien ingħata visa għal 14-il jum li mbagħad ġiet estiża għal 14-il jum ieħor. Kien hemm ħafna spekulazzjoni dwar x’se jkun il-pass li jmiss għal Rajapaksa fejn bosta qalu li aktarx li se jerħilha lejn l-Emirati Għarab Magħquda. Iżda uffiċjali qrib ta’ Rajapaksa qalu ma’ Bloomberg li dan irid jerġa’ lura lejn pajjiżu. 

Post Rajapaksa bħala president ħadu l-alleat tiegħu Ranil Wickremesinghe li kien Prim Ministru. Huwa ħa l-kariga wara vot fil-parlament – deċiżjoni li xejn ma hija popolari mal-poplu tas-Sri Lanka.

Sport