Karozza li ntlemħet fl-aħħar jiem f’Tas-Sliema wasslet għal ċertu spekulazzjonijiet minn persuni li lemħuha pparkjata fi Triq Matthew Pulis proprju l-Ħamis li għadda.
Persuna li għaddietilna dawn ir-ritratti meħudin minnha qalitilna li kienet hi stess li ħadet l-istess ritratti l-Ħamis għall-ħabta ta’ 11:45 a.m fl-imsemmija triq.
Il-karozza li għandha ġenb minnhom mimli tiri ħolqot tħassib anke fid-dawl tal-fatt li l-pjanċi tagħha huma Ukreni anke minħabba l-invażjoni li għaddejja f’dak il-pajjiż.
Dan is-sit għamel kuntatt mal-Pulizija rigward din il-karozza fejn staqsa jekk kien hemm xi rapporti dwarha. Min-naħa tagħhom huma kkonfermaw li marru fl-imsemmija triq ftit ħin wara, iżda l-karozza ma kinitx għadha pparkjata hemmhekk.
Pruvajna nagħmlu wkoll domandi rigward l-istess karozza ma’ Transport Malta fejn fost l-oħrajn staqsejna jekk humiex infurmati dwar din il-karozza, jekk karozza f’din il-kundizzjoni hijiex permessibbli li tinstaq fit-toroq ta’ pajjiżna u jekk għandhomx informazzjoni dwar il-vjaġġ tagħha lejn pajjiżna. Minkejja tfakkira għall-istess email, ma kellna l-ebda tweġiba.