Il-lejl bejn is-7 u t-8 ta’ Settembru 2025 kien wieħed memorabbli grazzi għal spettaklu mill-kosmos – eklissi totali tal-Qliel magħruf bħala l-“Blood Moon” fejn il-qamar ħa dehra ħamranija. Dan kien wieħed mill-aktar avvenimenti xjentifiċi ta’ attrazzjoni astonomika għal din is-sena u kien viżibbli għal aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija.
Din l-eklissi totali fix-xahar ta’ Settembru ġiet osservata mill-kontinenti: l-Ewropa, l-Ażja, l-Afrika u l-Awstralja. Ritratti meħuda minn madwar id-dinja wrew is-sbuħija ta’ dan l-avveniment. Żoni oħra, però, bħall-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel ma kienux daqshekk iffortunati li jarawh.
Dan l-fenomenu naturali b’dehra mistika u ta’ attrazzjoni kbira anke għal dawk li mhumiex fanatiċi tal-astronomija, deher ukoll fis-smewwiet tagħna. F’din l-eklissi totali, il-qamar deher kompletament “ħamrani” għal aktar minn 80 minuta – wieħed mill-itwal perjodi ta’ totalità fl-aħħar snin
Esperjenza unika għall-astronomija u t-turisti
L-“Blood Moon”, li xxandar dirett online mill-Vitual Telescope Project tal-Italja. ma kienx biss spettaklu viżiv imma anke okkażjoni xjentifika importanti. Dan għax eklissi bħal dan jgħin lill-astronomi jkejlu l-kompożizzjoni tal-atmosfera tal-Art. Fl-istess ħin, jattira eluf ta’ dilettanti tal-istilel, fotografi u turisti li jivvjaġġaw apposta biex jarawh.
Fi kliem sempliċi dan il-lejl kien mument fejn ix-xjenza, in-natura u l-arti ta’ osservazzjoni tas-sema ngħaqdu f’wirja li ħolqot emozzjoni kbira.
Din l-eklissi totali tal-Qamar mhiex biss fenomenu naturali rari imma wkoll spettaklu li jgħaqqad lill-bniedem ma’ dak kollu li hemm barra minn pajjiżna. Il-lejl tas-7 u t-8 ta’ Settembru 2025 offra verament spettaklu uniku u żgur li se jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar “Blood Moons” memorabbli li kellna fl-aħħar snin.