Fl-okkażjoni tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju 2022, is-Sezzjoni Żgħażagħ Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba ser ittellgħa spettaklu mill-aqwa ta’ briju organizzat, nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2022, waqt il-Marċ ferm popolari “Tal-Ġimgħa”, bis-sehem tal-ewwel Banda Imqabbija, l-Banda Madonna tal-Ġilju taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha Mro Andrew Calleja.
Ser ikun hemm elementi innovattivi li ser ikomplu jsebbħu l-atmosfera mill-isbaħ sinonima ma’ dan il-Marċ, flimkien ma’ features multiviżivi. Bhas-soltu atmosfera mill-aqwa se tiddomina dan il-marċ flimkien ma’ briju, mużika u nar. Dan l-ispettaklu jibda’ fid-9:30pm fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba, wara l-ispettaklu tan-nar u jintemm għall-ħabta ta’ nofs il-lejl permezz tat-tlugħ tradizzjonali tal-Istatwa tal-Madonna tal-Ġilju fuq il-Pedestall tal-Vara l-Kbira, fost Devozzjoni u kant ta’ Innijiet Marjani.
Aktar ċelebrazzjonijiet oriġinali jsegwu fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba, quddiem il-Każin tas-Soċjeta’, fejn ser ikun hemm spettaklu ieħor. Aktar informazzjoni tinkiseb fuq is-sit uffiċċjali tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju, www.talgilju.com.