Wara tant stennija, ilbieraħ ngħata bidu għall-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li se jkun qiegħed jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Bosta kienu dawk li ħadu l-opportunità biex isegwu mill-qrib l-ispettaklu ta’ nar imħejji mill-pirotekniċi Maltin li b’tant dedikazzjoni u kapaċità setgħu joffru xi ħaġa speċjali anke wara perjodu ta’ tensjoni minħabba l-firxa tal-pandemija. Fost fotografi u dilettanti oħra, għadd ta’ persuni waqfu biex isegwu din il-wirja kkulurita.
Skont l-iskeda maħruġa aktar kmieni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dawn il-wirjiet ta’ spettaklu se jkomplu minn għada skont kif indikat hawn taħt:
- Fit-22 t’April se jsir ġew Ġnien Ingraw, fil-Mellieħa;
- Fit-23 t’April se jsir ġewwa l-Bajja ta’ Ħondoq, f’Għawdex;
- Fis-26 t’April se jsir ġewwa Wied il-Għajn;
- Fid-29 t’April se jsir ġewwa l-Imqabba; u
- Fit-30 t’April se jsir ġewwa l-Port il-Kbir.
Apparti minn hekk fit-30 t’April ukoll se jsir il-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art fuq il-Fosos tal-Floriana. Dan se jkun organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.