Saturday, December 21, 2024

Spettaklu tan-nar tal-Ajru llejla fir-Rabat Għawdex għal Santa Marija

Aqra wkoll

Kollox jinsab lest biex illejla fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija fir-Rabat Għawdex, jittella’ spettaklu kbir ta’ nar tal-ajru mill-Organizzazzjoni Vampa fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Leone.

Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Ivor Robinich, Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Organizzazzjoni VAMPA. Huwa qalilna li din l-organizzazzjoni twaqqfet fl-1990 minn Sam Grech u Mario Bonnici li dak iż-żmien ħassew li għandu jkun hemm aktar attenzjoni jew konċentrazzjoni fuq il-logħob tan-nar fil-festa ta’ Santa Marija.

Dawn iż-żewġ membri bdew jaħdmu qatigħ sabiex jattiraw aktar ħbieb tagħhom biex jibdew jaħdmu n-nar. Erba’ snin wara, fl-1994, ingħaqad magħhom is-Sur Adrian Agius li kompla jiżviluppa n-nar. Fil-fatt diversi snin wara nxtrat kamra tan-nar u l-organizzazzjoni bdiet tipproduċi n-nar tagħha stess.

Robinich iżda jsemmi kif f’Jannar tal-2000, kien seħħ inċident traġiku fil-Kamra tan-Nar 15 t’Awwissu fil-limiti ta’ Kerċem u dakinhar kien tilef ħajtu s-Sur Agius. Konsegwentement, il-VAMPA ma baqgħetx tipproduċi u timmanifattura n-nar tagħha filwaqt li nbidel il-ħsieb li n-nar u beda jiġi mixtri minn kmamar tan-nar oħra għalkemm membri fi ħdan l-organizzazzjoni kienu baqgħu jaħdmu xi nar huma stess.

“Illum l-organizzazzjoni għandha diversi membri li jiġu kemm mill-Belt Victoria kif ukoll minn irħula oħra li jaqsmu l-istess entużjażmu għan-nar. Wara li tgħaddi l-festa, mill-għada, jibdew il-preparamenti għall-festa tas-sena ta’ wara fejn nerġgħu nibdew nitkellmu ma’ kmamar diversi kemm fil-gżira t’Għawdex u ta’ Malta biex inħejju l-ordni għan-nar għall-ħamest ijiem ta’ festa li jkollna,” qal Robinich. “Din is-sena se jkun hemm 12-il kamra tan-nar parteċipanti fosthom tliet kmamar tan-nar ġejjin mill-gżira Għawdxija.”

Dwar kif jiġi trasportat in-nar minn Malta għal Għawdex, huwa jgħid li dan jirrikjedi ċertu loġistika u mhux daqshekk faċli daqs kemm wieħed jaħseb. “In-nar jasal fil-gżira Għawdxija sa minn ġimgħa qabel bi skorta tal-pulizija jkunu mgħobbija fuq vapur apposta għall-ġarr tan-nar fejn imbagħad dan in-nar jidħol fil-Port tal-Imġarr.”

Kien hawn fejn is-Sur Robinich irringrazzja lill-awtoritajiet talli fi kliemu fehmu l-ħtieġa li jkun hemm post sigur fejn jinħatt dan in-nar.

Dwar l-għolja ta’ Gelmus fejn se ssir l-attività kollha tan-nar, huwa jgħid li l-preparamenti jibdew minn xhur qabel fejn jaraw x’hemm bżonn isir bħat-tipi ta’ kanni, il-kobor tal-kaxxa tal-ħruġ u jġibu kanni għal kważi kull murtal li jinħaraq minn Malta.

“Kull sena jkollna xi sorpriża jew xi tip ta’ murtal maħdum speċifikatament għalina. Din is-sena għandna serje ta’ murtali li se jinħarqu għall-ewwel darba fil-gżira tagħna,” spjega Robinich.

Huwa temm jirringrazzja lill-membri tal-Organizzazzjoni VAMPA tal-ħidma tagħhom, lis-Soċjetà Filarmonika Leone (kumitat ċentrali), il-familjari tagħhom, ħbieb u benefatturi oħra filwaqt li awgura l-festa t-tajba tal-Assunta lil kulħadd speċjalment lil Għawdxin kif ukoll lil Maltin li se jkunu qegħdin iżuruhom għal din l-okkażjoni.

Ekonomija

Sport