Raġel ta’ 46 sena residenti ż-Żurrieq tpoġġa taħt probation għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu wara li baqa’ m’aċċettax il-fatt li r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet spiċċat.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco mixli li nhar id-29 ta’ Marzu u fil-ġranet u fil-ġimgħat ta’ qabel, ġab ruħu b’mod li kien jaf jew li messu kien jaf li kien qiegħed ikun ta’ fastidju għall-eks sieħba tiegħu. Huwa kien mixli wkoll li fid-9 ta’ Marzu, ikkaġuna ġrieħi ħfief fuqha u li sar reċediv.
Mistoqsi x’kien se jwieġeb għal dawn l-akkużi, l-imputat iddikjara li huwa ħati, bil-Maġistrat Lanfranco filwaqt li poġġietu taħt ordni ta’ probation, poġġietu wkoll taħt ordni ta’ trattament sabiex jaċċetta l-fatt li r-relazzjoni ntemmet darba għal dejjem.
Fl-istess waqt inħarġet ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin favur l-eks sieħba tiegħu u għaldaqstant huwa ġie pprojbit milli b’xi mod javviċinaha jew jersaq lejha.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.