Raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli mixli bi vjolenza fuq raġel ieħor.
Il-każ seħħ il-Ħamis li għadda meta r-raġel, li huwa Indjan ta’ 28 sena minn Birkirkara allegatment ħebb għal wieħed minn tliet persuni li ġew jgħixu fl-istess appartament li fih kien qed joqgħod ma’ ħamsa oħra.
L-argument inqala’ wara li huwa ma riedx li jkun hemm daqshekk nies fl-appartament hekk kif il-ftehim kien li jkun hemm 6 jgħixu fih.
Fl-awla ġie spjegat kif l-akkużat oppona għall-fatt li joqogħdu daqshekk nies meta fil-ftehim kien hemm indikat li joqogħdu sitt persuni. Intqal kif l-Indjan qal lit-tliet residenti l-ġodda bier jitilqu għax l-appartament ma kienx spazjuż biżżejjed. Kien hawhekk li tnejn minn dawk li jirrisjedu fil-post bdew jinsulentawh u l-argument eskala bejniethom.
Instema’ wkoll kif l-akkużat instab mill-Pulizija waqt li kien fi triqtu lejn l-għassa biex jagħti ruħu b’idejh u li kkopera b’mod sħiħ mal-Pulizija.
Wara li semgħat id-dettalji dwar il-każ, il-Maġistrat Demicoli kkundannat lill-Indjan għal erba’ xhur ħabs sospiżi għal sena u ordnatlu biex għas-sentejn li ġejjin ma jikkomunikax mal-persuna li minn eżaminazzjoni li saret irriżulta li sofra biss ġrieħi ħfief. B’hekk huwa se jkun qiegħed ifittex post ieħor fejn jirrisjedi.