Sunday, October 27, 2024

“Spiċċa ż-żmien li l-PN jibża’ jew ma jaffrontax lill-għadu tiegħu” – Bernard Grech

Aqra wkoll

Il-kap tal-PN jgħid li jiġri x’jiġri, il-partit se jkompli jissaħħaħ

Waqt kollegament telefoniku fuq Net FM, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda biex jgħid li kull fejn qegħdin imorru qegħdin jgħidulu grazzi tax-xogħol u kulma jmur id-donazzjonijiet qegħdin jiżdiedu.

Grech fakkar dwar il-premessa li biha ġie elett kap, meta qal li kien hemm bżonn li l-Partit Nazzjonalista jiġġedded u jinbidel. Grech qal li wara sena bħala kap, kull ġurnata li tgħaddi aktar nies qegħdin ikomplu jibagħtu messaġġ li “Malta jixirqilha aħjar”.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar id-dokument tal-proposti tiegħu qabel jitħabbar il-budget. Grech qal li dan id-dokument kien jinvolvi ħafna ħidma. Huwa qal li mil-laqgħa tal-bieraħ, ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali kellhom rispons tajjeb ħafna. “Waqt li Mario De Marco kien qiegħed jispjega rajt imsieħba soċjali li b’għajnejhom kienu qegħdin juru li jaraw fil-Partit Nazzjonalista l-possibbilità li dan il-pajjiż ikollu gvern li tassew jixraqlu”, kompla Grech.

Grech tenna jgħid li hu fiduċjuż li taħt gvern immexxi minnu, tinbena ekonomija reżiljenti bbażata fuq l-individwu Malti u Għawdxi li dejjem ra kif Euro jagħmilha ħamsa. Huwa sostna li jinsab konvint li taħt partit immexxi minnu u li taħt gvern Nazzjonalista mmexxi minnu Malta tista’ timxi biex tkabbar l-ekonomija tagħha.

“Irrid nagħmilha ċara li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jissaħħaħ jiġri x’jiġri. Spiċċa ż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jibża’ jew ma jaffrontax lill-għadu tiegħu fejn u kif hemm bżonn. Jien bniedem kwiet iżda jekk toqrosni nsir iljun”, kompla Grech.

Rigward proposti bħalma huma t-trakka tal-karozzi u l-muturi u l-Metro, Grech qal li l-Partit Laburista qiegħed idur għall-proposti tal-partit immexxi minnu. 

Sport