Tuesday, May 14, 2024

“Spiċċa ż-żmien ta’ xi lagħqa żebgħa, iżda rridu mmorru għar-riġenerazzjoni li tixraq”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskors tiegħu dwar l-estimi ta’ dħul u l-infieq tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li s-settur fl-aħħar xhur kellu jaffaċċja l-akbar sfida minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Kompla biex jgħid li madanakollu llum wara sentejn ta’ restrizzjonijiet, pajjiżna jinsab miftuħ għat-turist u l-gvern qiegħed ikompli jaħdem biex ikompli jsalva l-impjiegi filwaqt li jtejjeb in-numri. Bartolo spjega li t-turisti llum qegħdin jagħżlu pajjiżi skont dak li jkunu kisbu qabel il-pandemija.

Il-Ministru qal li l-pandemija ġabet lil kulħadd fuq l-istess livell u b’hekk kien kruċjali li l-awtoritajiet Maltin jaħdmu biex jieħdu vantaġġ ladarba tibda tiġi kkontrollata l-pandemija fuq livell globali.

Sostna li huwa dan il-gvern qiegħed ikun dak li jwettaq l-investimenti li hemm bżonn, l-investimenti f’żoni li għal snin twal tħallew minsija.“Spiċċa ż-żmien ta’ xi lagħqa żebgħa, iżda rridu mmorru għar-riġenerazzjoni li tixraq”, sostna l-Ministru Bartolo filwaqt li tkellem dwar il-bżonn li ċertu strutturi abbandunati jingħataw il-ħajja mill-ġdid biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-poplu kif ukoll mit-turisti li jżuruna. 

Tenna jgħid li n-numri tat-turisti jiġu għax l-MTA kienet, għadha u se tibqa’ taħdem biex tattira lejn pajjiżna lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu fejn imorru għall-btala tagħhom. Saħaq li l-awtorità f’dawn ix-xhur kollha ħadmet biex pajjiżna kellu spazju li jixraqlu fil-midja. Spjega dwar diversi forom ta’ turiżmu li saret promozzjoni fuqhom li kienu jiffokaw fuq id-diversità u l-inklużjoni tas-settur f’pajjiżna.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn tar-reklamar mifrux fuq pajjiżi internazzjonali permezz tat-televiżjoni kif ukoll alternattivi oħra bħalma huma r-radju u r-rivisti speċifiċi skont in-niċeċ u l-qarrejja partikolari tagħhom.

Il-Ministru tkellem dwar is-sħubija mat-tim ta’ Manchester United li reġgħet ġiet imġedda u l-grupp taċ-ċikliżmu professjonali Eolo-Kometa li mill-Giro d’Italia hu stmat li pajjiżna ġie espost ma’ madwar 700,000,000 persuna. Dan it-tim se jkun qiegħed jirreklma lil pajjiżna f’iżjed tlielaq li se jkun qiegħed jieħu sehem fihom f’iżjed pajji fil-ġejjieni.

“L-akbar investiment tagħmlu mhux meta kollox ikun sejjer tajjeb, iżda meta ddawwar sfida f’opportunità”, sostna Bartolo filwaqt li kompla biex jispjega li bil-flus investiti fl-aħħar xhur, pajjiżna kabbar it-turiżmu b’47 fil-mija. 

Tkellem dwar gvernijiet preċedenti li kienu jisħqu dwar il-bżonn li pajjiżna jattira turiżmu ta’ kwalità, iżda kellu jkun dan il-gvern li xammar il-kmiem u qed jirnexxielu jikseb ir-riżultati li qed jidhru fl-iljieli li qed iqattgħu t-turisti f’pajjiżna. 

Sport