Sunday, February 15, 2026

Spin…

minn Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Il-Malti jgħidlek qis mitt darba u aqta’ darba. Agħmel l-homework tajjeb u meta tiddeċiedi tkun iddeċidejt. Ma tistax tgħid ħaġa u ftit wara tgħid xi ħaġa oħra li tkun bil-kompletament kważi jew bil-kontra ta’ dak li tkun għedt ftit qabel.

Forsi jista’ jkollok sitwazzjoni fejn tidħol f’dar u tgħid favur il-ħaddiem għax ikun xi ħaddiem u tgħid kontra l-ħaddiema barranin f’Għawdex u tidħol f’dar ta’ maġembha u tgħid favur li jkun hawn il-ħaddiema barranin f’Għawdex għax ma’ min tkun qed titkellem jinzerta aġent tal-ħaddiema barranin fil-pajjiż u mbagħad tmur għand ta’ maġembu u terġa’ tgħid xi ħaġa oħra li ma taqbel xejn ma’ dak li tkun għedt fl-ewwel dar u kważi kważi ma taqbel xejn ma’ dak li tkun għedt fit-tieni dar.

Sakemm din il-konversazzjoni tkun one to one u ma jkollokx midja miegħek allura din tista’ ssir, imma jekk dawn il-konversazzjonijiet joħorġu fil-pubbliku allura hemm tkun trid tispjega.

Fazzjon estremista

Tisma’ l-verżjoni Delia, jgħid li huwa u Borg kellhom ftehim biex Borg ma joħroġx għal elezzjoni ta’ kap għax Delia xtaq li jkun huwa l-kap tal-PN. Kulħadd jiftakar kif Delia kien diġà kap tal-PN u wara ftit sar kolp ta’ stat mill-iktar fazzjoni estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u li dawn għamlu minn kollox biex jneħħuh minn kap. Allura meta din il-fazzjoni estremista li tinsab fi ħdan il-PN xebgħet anke lil dak li għamlet hija stess wara li neħħiet lil Delia, Grech u dan darba fost l-oħrajn ma felaħx iktar u qabad u qal: daqshekk, issa min huwa mara jew raġel iġorr il-piż huwa u rriżenja.

Bdiet it-tiġrija għal kap u Delia ra li jista’ jerġa’ jidħol imexxi lill-PN huwa wara li lilu qatgħulu rasu b’mod anti-demokratiku u bla ebda raġuni ta’ xejn, u deher biċ-ċar li l-PN ma kellu l-ebda argumenti fl-aħħar xhur ħlief il-ħrafa li bellgħa huwa lill-PN li kien hemm xi serqa ta’ xi 400 miljun mill-kuntratt tal-isptarijiet.

Il-punt kollu li Delia ftehem ma’ Borg li issa jkun imissu Delia u Borg jidħol wara li Delia jagħmel it-term tiegħu. Skont il-verżjoni Delia, Borg l-ewwel aċċetta u ftit sigħat wara ħabbar li huwa wkoll sejjer jaċċetta. U din kienet ċara kristall: Delia jgħid li kien hemm ftehim bejniethom, Borg jgħid li ma kienx hemm.

Rumours jgħidu wkoll li kien hemm diversi membri ġodda li nkitbu fil-PN mill-fazzjoni ta’ Borg u Borg rebaħ lil Delia b’40 vot. Delia għall-ewwel kien sejjer joħodha kontra Borg kemm jiflaħ. Infatti r-riżultat uffiċjali dam ma ġie pubblikat diversi sigħat u wara ftit Delia donnu li aċċetta t-telfa.

Borg isir kap tal-PN u jibda jagħmel dikjarazzjonijiet li ħafna minnhom, wara li jgħidhom, jippruvaw jgħidu li kienu spinjawhulu. Ma naħsibx li niftakar kollox imma hemm uħud minnhom li huma ċari għalija. Qalulna li spinjawhulu. Borg jagħti x’jifhem li huwa jaqbel li anke Għawdex għandu jkollu bini għoli u kien hemm xi wħud iktar entużjasti li qalu li Għawdex ikollu torrijiet iktar għoljin minn ta’ Malta ħalli jkunu jistgħu jidhru minn kullimkien. Wara li ma nafx kemm-il għaqda favur l-ambjent tkellmet u wriet it-tħassib tagħha dwar dan… upps, qalulna li kienu spinjawhulu dak li qal.

Borg favur jew kontra l-ħaddiema barranin?

Borg ħareġ b’idea brillanti oħra u qalilna li l-poplu mhux sew li jaħdem ħamest ijiem fil-ġimgħa imma tajjeb li jibda jaħdem erba’ ijiem fil-ġimgħa ħalli jkollu iktar ħin ta’ mistrieħ. Uħud jagħmlu iktar part-time wkoll. Ħarġu wħud mill-aqwa ekonomisti fid-dinja u qalulu li biex jagħmel il-workforce tagħna f’erbat ijiem fil-ġimgħa għandu bżonn ħamsin elf ħaddiem ieħor, 50,000 elf ħaddiem ieħor. Peress li l-Maltin u l-Għawdxin kollha qegħdin fl-impjieg mela dawn il-50 elf ħaddiem ieħor iridu jkunu kollha barranin!

Imma Borg favur jew kontra l-ħaddiema barranin? Qatt smajtu jgħid li bħallikieku hawn ħaddiema barranin żejda f’Malta? Allura issa kif irid jagħmel din ir-riforma li permezz tagħha sejjer ikollu jġib 50 elf barrani ieħor biex Għawdex u Malta jibqgħu produttivi kif huma llum? Din ukoll qalu li spinjawhulu.

Hemm ħafna wediet li mhumiex ikkalkulati fejn issemmew iktar faċilitajiet tas-saħħa, kliniċi u sptar ieħor. Imma dawn kollha bil-ħaddiema trid tmexxihom u jekk għandna bżonn nurses, cleaners, carers u tobba biex imexxu li għandna, x’ħa nagħmlu fejn jidħol l-ingagg ta’ iktar ħaddiema biex imexxu dawn il-proġetti l-ġodda? Mhux iktar ħaddiema barranin tiġi?

Il-pilloli ġeneriċi…

Biża’ li seta’ qajjem fost il-pazjenti

Iddiżappunta lil ħafna esperti u oħrajn dwar kif tkellem dwar dak li qal fuq il-pilloli ġeneriċi u dawk li huma branded. Mhux biss minħabba l-biża’ li seta’ tqajjem fost il-pazjenti li huma dipendenti fuq dawn il-pilloli għal xejn, imma wkoll minħabba l-fatt li għandna diversi fabbriki f’Malta li jagħmlu l-pilloli u li dawn jagħmlu pilloli ġeneriċi. Dan id-diskors jimmina lill-pajjiżna għax huwa permezz ta’ din l-industrija li għandna aħna li qed tagħmel il-pilloli li qed isiru dawn il-pilloli ġeneriċi.

Sakemm qed titkellem ġo xi każin wara s-sitta jew is-sebgħa grokk xorb forsi huwa tollerat li tgħid affarijiet li jkunu jidhru li qisek qed taħseb barra mill-kaxxa, meta tkun fuq bażi nazzjonali u tkun trid tibda titkellem fuq politika li permezz tagħha tista’ ittejjeb jew tgħarraq il-ħajja tal-poplu tagħna, dan trid tkun iktar attent. Ma tistax taqbad u tgħid dak li taħseb qabel ma tagħmel naqra studju u riċerka ta’ x’veru jaqbel lil pajjiżna u x’veru jaqbel għall-poplu tagħna. Jekk tkun ħa tirranġa xi ħaġa, studja sew l-alternattivi li hemm u agħmel dak li huwa sew għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Nawguraw lil Dr Alex Borg li joħroġ mill-mudell ta’ GonziPN li l-ewwel iwiegħdu kollox lil kulħadd u wara, jekk jirbħu, joqogħdu jġibu skużi kollha għaliex sabu sitwazzjoni differenti minn dik li kienu qed jaħsbu. U lil tal-washing machines ngħidilhom, taċ-ċajt, ta’ kull ma jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni toqogħdu tispinjawhulu…

Sliem…

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport