Thursday, October 10, 2024

Spirtu kompetitiv jiddomina t-tieni ġurnata tal-Mapfre Middlesea Yachting Malta Christmas Regatta

Aqra wkoll

It-tieni jum tal-Mapfre Middlesea Yachting Malta Christmas Regatta organizzata minn Malta Young Sailors marret skont il-pjan meta l-flotot Optimist, Laser u RS Feva kkompetew fi tliet tlielaq mmexxija mill-Uffiċjal tat-Tellieqa Peter Dimech.

Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu kemmxejn iktar diffiċli mill-bieraħ bir-riħ jilħaq madwar sbatax-il mil nawtiku, filwaqt li l-imbatt mit-tramuntana kompliet tolqot il-bajja matul il-ġurnata. Minkejja theddida ta’xita qawwija kmieni wara nofsinhar, ix-xita ma mmaterjalizzatx, u ppermettiet li t-tielet tellieqa tkompli mingħajr aktar tfixkil.

Wara t-tieni jum tat-tlielaq, il-pożizzjonijiet fl-Optimist Novice, Optimist Cadet u Optimist Open inbidlu, filwaqt li l-istess pjazzamenti għal-Laser 4.7, Radial, Standard u RS Fevas ġew irreġistrati

Fil-Kategorija Optimist Novice, Jack Gabriele (MYSC) żamm l-ewwel post tiegħu b’żewġ rebħiet u t-tieni post. Katrina Micallef (RMYC) li lbieraħ kienet fit-tieni post niżlet għat-tielet post. Matthew Camilleri (RMYC) li rreġistra it-tieni post f’żewġ tlielaq u l-ewwel post f’waħda minnhom spiċċa ħa t-tieni post tal-ġurnata u b’hekk waqqa lil Luca Schembri Meli (RMYC) mit-tielet post li kiseb il-bieraħ.

Fil-kategorija tal- Optimist Cadet l-istess trio li kisbu l-ewwel tliet postijiet ilbieraħ baqaw hemm, madankollu Jonas Micallef (MYSC) għeleb lil Timmy Vassallo (MYSC) għall-ewwel post. Zane Micallef (BSC) żamm it-tielet post tiegħu.

Kien trio mgħamul mill-MYSC fil-flotta Optimist Seniors, b’Nico Drescher jipproduċi l-aħjar riżultat tal-ġurnata f’din il-kategorija. Kemm Eric Fenech Pace kif ukoll Ben Vassallo niżlu post wieħed biex spiċċaw il-ġurnata fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Il-Kategorija Laser, ma kinitx nieqsa mill-azzjoni bil-baħrin li rreġistraw l-aħjar riżultati lbieraħ jiġu kontinwament sfidati matul il-ġurnata kollha. Minkejja dan, fil-kategoriji kollha, ma kien hemm l-ebda tibdil fil-pjazzamenti. 

L-aħħar ġurnata tat-tlielaq issir għada il-Ħadd,  mill-10 ta’ filgħodu l-quddiem fil-Bajja tal-Mellieħa.

Sport