Għadd ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-servizzi b’mod partikolari fejn jidħlu xogħlijiet konnessi ma’ manutenzjoni fid-djar, tiswijiet ta’ apparat domestiku u xogħlijiet konnessi ma tlestija ta’ djar, qegħdin jilmentaw minn kif għolew il-prezzijiet tal-għodod u li dan qed jaffettwaw sew l-ispiża konnessa max-xogħol tagħhom. Diversi ħaddiema f’dan il-qasam meta tkellmu ma’ Talk.mt qalulna li “qegħdin nispiċċaw niffaċċjaw l-klijenti aħna. L-għodod splodew fil-prezz. Mort nixtri cordless drill, sibt li dan żdied madwar €80. Tmur tixtri l-ispare parts bħal tal-cookers, u fridges u qegħdin isibu li dawn għolew immens. Qegħdin nispiċċaw niffaċċjaw lin-nies aħna għax qed jgħidulna kemm huma għaljin il-parts”.
Ħaddiem li tkellem ma’ Talk.mt u li xogħlu hu li jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni fid-djar u affarijiet oħra li jkun hemm bżonn fid-djar, qalilna li “fl-aħħar xhur u ġimgħat għolew sostanzjalment l-għodod. Minn dak li qed nara minn fejn inmur nixtri jien, fejn dan l-aħħar anki kelli bżonn nixtri xi għodod, rajt li l-prezzijiet żdiedu sew. Anki sempliċiment viti u msiemer, għolew fil-prezz. Il-problema li dan qed joħloq hi dik ta’ aħna kemm nifilħu ngħollu. Il-klijenti diġa qegħdin jilmentaw meta ntuhom il-kontijiet tal-materjal jew affarijiet li inkunu xtrajna u qegħdin jarawhom għoljin. Kemm niflaħ ngħolli l-ispiża tax-xogħol jien? M’hemmx trid oħra imma ħlief li ngħollu l-ħlas tas-servizz, għax l-ispiża tax-xogħol żdiedet hu. Application gun per eżempju irdoppja fil-prezz. Id-diski li naqtgħu bihom, għolew ukoll. Il-blade tal-jigsaw għolew ukoll sostanzjalment. Dawn kollha spejjeż għalina, li finalment irid iħallashom il-konsumatur”.
L-ispare parts tal-apparat domestiku
għolew
Technician self employed li jirranġa l-apparat domestiku qalilna li “l-problema li aħna qegħdin insibu hi dik li l-ispare parts għolew sostanzjalment. Tispiċċa tmur f’ħanut tixtri spare parts għal friġġ, cooker jew xi apparat ieħor u x’ħin tara l-prezz tinduna li l-ispiża għat-tiswija se tiġi. Tispiċċa iċċempel lill-konsumatur u tgħidlu bil-prezz. Tibda tgħidlu kemm se tiġi bejn wieħed u ieħor biex jara jekk jaqbillux isewwi. Ħafna drabi jgħidulek irranġa, imma mbagħad jibdew jilmentawlek kemm għolew il-parts”.
L-istess technician qalilna li “l-parts u prodotti oħra li aħna ikollna bżonn biex jiġi rranġat apparat domestiku ilhom jogħlew ftit ftit. Milli jgħidulna is-supply chains kienu ġew affettwati minħabba l-Covid19 u mbagħad kienu qed jaħsbu li din is-sena is-sitwazzjoni tikkalma. Li ġara imbagħad kellna l-gwerra fl-Ukrajna u din qalbet kollox ta’ taħt fuq. Qegħdin jgħidulna li għola trasport, fjuwil, materja prima u dan kollu qed jaffettwa l-manifattura tal-parts. Sa l-aħħar tas-sena li għaddiet il-previżjonijiet kienu li l-prezzijiet kellhom jibqgħu bi spiża għolja sat-tielet kwart ta’ din is-sena u mbagħad it-tama kienet li fl-aħħar kwart jibdew jaraw tnaqqis fl-ispiża. Issa bil-gwerra fl-Ukrajna dan ma jidhirx li se jseħħ.”
L-istess technician jgħidilna li “jien meta qed inmur nixtri l-aprts qegħdin jgħiduli li qed ikollhom żieda fil-prezzijiet tal-‘electronics’, muturi, prodotti tal-azzar u prodotti tal-aluminju.”
Rappreżentant ta’ negozju involut fl-importazzjoni ta’ spare parts qalilna li “l-prezzijiet qegħdin jogħlew għax kemm l-aluminju u kemm l-azzar qegħdin jintlaqtu doppjament. Biex tipproduċi l-azzar u l-aluminju għandhom bżonn enerġija qawwija. Minħabba li żdiedu l-prezzijiet tal-enerġija f’ħafna pajjiżi, il-produzzjoni saret aktar għalja u dan jirrifletti fil-prezz. Ma’ dan trid iżżid li parti sostanzjali minn din il-materja prima tiġi mir-Russja u l-Ukrajna u hemm skarsezzi. Apparti dan għandek il-problema tal-ġarr tal-istess prodotti, fejn il-prezzijiet tal-ivvjaġġar żdiedu sew. Bilfors tkun trid tieħu deċiżjonijiet li żżid il-prezzijiet għax inkella ma tibqax vijabbli”.
Sakemm ma jogħlix id-dijżil….
…iż-żieda fil-prezz għax-xogħol tagħna se tkun żgħira
L-istess technician qalilna li “jien ix-xogħol tiegħi l-aktar li jiġi affettwat hu miż-żieda fil-prezz tal-‘parts’, għalkemm dawk tgħaddi l-irċevuti lill-konsumatur u jħallashom, u miż-żieda fil-prezz tal-fjuwil u l-użu tal-karozza. Illum ħsarat fil-karozza ma tirranġahomx bis-soldi għax anke l-‘parts’. Li l-prezz tal-fjuwil baqa’ kif kien dak hu ta’ nifs kbir għal min jaħdem bħali jiġri minn hawn għal hemm. Sakemm il-prezz tal-fjuwil jibqa’ dak li hu, iż-żieda fil-prezz tas-servizz tagħna se tkun minima. Jekk jogħla l-fjuwil, bilfors li jkollna nżidu sew il-prezz tas-servizz.”