Tuesday, October 21, 2025

“Spluzjoni… ajruplan jaqbad u nisma’ ‘paq, paq, paq, paq’”

…biċċa minn żaqqu marret ’l hemm u biċċa ġiet ’l hawn”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Karmena Demicoli llum tgħodd aktar minn 80 sena. Żabbarija. Kienet tgħix ftit bogħod mill-iskola Primarja. Kienet waħda minn dawk li rat l-ajruplan Vulcan, jisplodi fuq Ħaż-Żabbar. Karmena meta tkellimna magħha irrakkontat dak li ġara dakinhar – ix-xena li baqgħet dejjem stampata f’moħħha. Fi kliemha stess, ‘traġedja bħal dik qatt ma rat’. Tgħid li kienet qisha xena minn xi film.

Tgħid li “kont sejra għat-tfal l-iskola. Kienu xi s-1.15 p.m. Kienet ġurnata sabiħa. Kelli ħabiba jisimha Lucy u għedtilha ejja nmorru ftit kmieni għat-tfal,. Qaltli iva allavolja ma niflaħx. Morna jien u hi u kellna t-tfal u fl-istess ħin nisma’ bħal splużjoni fl-ajru. Nara ajruplan. Jaqbad. U jisplodi. Sejjer paq paq paq paq. Immutajt jien. Ridt inċaqlaqha lil Lucy. Dik ħasbet minħabba t-tfal. Fl-istess ħin qed narah jinfetaħ bl-isplużjoni li għamel. Biċċa ta’ żaqq marret lil hemm, biċċa ta’ żaqq marret lil hawn u l-ġwejnaħ waqgħet triq il-ġdida. Fl-istess ħin narra daħna kbira imma kbira ta. Kelli lit-tifla t’oħti kienet żgħira, Mariella. 

Lil dik jaħasra kont kaxkartha. Imbagħad lit-tfal lanqas bgħattnihom skola. Kienet ġiet tfittixna ommi. Issa l-ġewnaħ waqgħet it-triq il-ġdida, issa Alla jbierek hemm joħorġu it-tfal tal-iskola. Lanqas ħadd ma ħareġ. Vera l-Madonna tal-Grazzja ħelsitielna, ajruplan bħal dak.”

Karmena tħares lejna b’ċertu dieqa u tgħidilna li “meta jasal iż-żmien tiegħu, ngħidilhom traġedja bħal din qatt ma rajt. Qisni qed nara film tokis. Qatt ma insejtha din it-traġedja. Dejjem niftakar fiha.” 

Titkellem studenta li dakinhar kienet fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar

Dwar din it-traġejda, titkellem ukoll Antoinette Abela, li dakinhar tat-traġedja kienet studenta fl-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar. Fi kliemha stess, “jien kont studenta l-iskola Primarja u billi kont noqgħod ix-Xgħajra fil-ħin tal-mistrieħ kont nibqa’ l-iskola ma’ ħafna studenti bħali. Konna numru mhux ħażin ta’ studenti dak inhar. Għalina kienet ġurnata bħall-oħrajn iddoqq il-qanpiena tal-ħin tal-mistrieħ u l-istudenti jitilqu dar u studenti oħra jibqgħu hemm. Jien kont waħda min dak il-grupp li nibqa’ hemm. Kienet grazzja kbira dakinhar għax fejn waqgħet biċċa mill-ajruplan u din kienet biċċa kbira, hemmhekk normalment kien kun hemm ammont ta’ tfal ghax hemm hekk kien hemm cinta u kulħadd kien joqgħod bilqiegħda għall-frisk. Ftakru li kien nofsinhar u konna nfittxu d-dell. Dak il-ħin min kien qed jilgħab, min jiġri u aħna hemm nitkellmu u nidħku ta’ tfal li konna. Kif eżatt daqqet il-qanpiena li l-ħin tal-mistrieħ spiċċa u l-istudenti bdew deħlin mill-bitħa, aħna qomna u imxejna għal ġewwa. Kif eżatt dħalna mill-bitħa nisimgħu splużjoni kbira. Inqala’ kaos kbir ma nafux x’inhu jiġri. Kienet qisha bomba. Qabadni biża’ kbir. Kien hemm għajat u storbju. Aħna ta’ tfal li konna kien hemm min beda jgħajjat, jibki. Ġenn kbir dak il-ħin. Lanqas ġol-klassi ma daħħluna. Niftakar il-basket baqa’ fil-klassi għax lanqas ċans niġbru l-basket ma tawna. Niftakar ħaduna il-bandli. Il-ġenituri tagħna kienu kollha il-bandli jistennewna. Ommi telgħet mix-Xgħajra bil-mixi. 

Missieri kien l-għalqa u jista’ jgħoddha b’waħda għax kienet waqgħet biċċa mill-ajruplan ħdejh. Għadu sal-lum il-ġurnata, it-Tlieta ma jiekolx laħam. B’hekk bqajt niftakar li t-Tlieta seħħet din it-traġedja, għax ommi kienet tgħidilna illum it-Tlieta missierek ma jikolx laħam. Meta kbirna naqra fehmitna għaliex kull nhar ta’ Tlieta ma jikolx laħam għax kienet il-ġurnata ta’ din it-traġedja. Għalija ngħoddha grazzja bi grazzja li diġa għaddew 50 sena. Għadni niftakar dik xena tal-biża’ u li jien stajt inkun vitma li kieku ma salvatnix dik il-qanpiena li ddoqq fi tmiem ta’ ħin il-mistrieħ. Grazzi Madonna tal-Grazzja li jien dejjem leali lejk u mhux bil-kliem biss.”

Aktar esperjenzi

Mariella Axisa Farell, tirrakkonta li “jien kont sejra d-dar mill-iskola u kif kont ‘Victory Street’ smajt ħoss t’ajruplan. Ħarist ‘ilfuq. Rajt balla oranġjo fuq in-naħa ta’ wara tiegħu u f’daqqa waħda sploda u rajt żewġ persuti neżlin bil-paraxut. Xena li ma tmur qatt minn quddiem għajnejja.”

Minn naħa tiegħu Ray Grech jgħid li “kont ħiereġ mit- Technical Institute flimkien ma’ tifel ieħor u is-sir Caruana meta rajna l-piloti jtiru mill-ajrupaln u is-sir qalilna dak għal isfel se jikkraxxja. Filfatt hekk ġara.”

Kif seħħet it-traġedja?

Il-ġurnata kienet it-Tlieta, 14 ta’ Ottubru tas-sena 1975 meta ftit minuti wara nofsinhar ajruplan tat-Tip Vulcan XM645 bagħat messaġġ lit-Torri tal-kontroll ta’ Ħal Luqa biex l-ajruplan jagħmel inżul fil-mitjar ta’ Ħal Luqa. Ġara li meta l-ajruplan kien resaq sew lejn Ħal Luqa, il-kaptan, Garth Alcock ħalla l-ajruplan fil-kontroll tal-ko kaptan Evans Alexander biex jagħmel l-inżul hu. 

Kien ingħad li Alexander qatt ma kien wettaq inżul f’Malta u ma kienx jaf li l-mitjar kien iżgħar minn ta’ fejn kienu jitniżżlu fir-Renju Unit. Kien intqal li l-ajruġan tniżżel b’veloċità qawwija, ferm aktar minn dik meħtieġa. Dan wassal biex l-ajruplan reġa’ tela’, għalkemm bid-daqqa kienet saret ħsara taħt l-ajruplan. Ġara li l-ajruplan beda jieħu in-nar u kien hawn li l-kaptan informa lit-Torri tal-Kontroll li kien se jagħmel dawra oħra u jagħmel inżul ta’ emerġenza. 

Il-kaptan Alcock kien meqjus bħala kaptan ta’ esperjenza kbira tant li kien irnexxielu jsalva hu u l-ekwipaġġ xi snin qabel meta kien ikkraxxja ajruplan Vulcan. 

Ġara iżda li kif il-Vulcan kien fuq Ħaż-Żabbar jipprepara għal inżul ta’ emerġenza, il-kaptan sal lil membri l-oħra tal-ekwipaġġ biex itiri bl-ejector seat għax l-ajruplan kien se jikkraxxja. Il-kaptan u l-ko pilota ken irnexxielhom itiru mill-ajruplan iżda l-ħames membri l-oħra tal-ekwipaġġ ma rnexxielhomx joħorġu. Dan aktar minħabba li l-bieb ma setgħux jiftħuha minħabba ħsara li ġarrbet fl-inżul.

L-ajruplan kien sploda fl-ajru u biċċiet minnu waqgħu f’żewġ inħawi f’Ħaż-Żabbar. Kemm il-pilota kif ukoll il-ko pilota niżlu qawwijin u sħaħ.

Il-parti l-kbira tal-ajruplan ġiet f’għalqa ftit passi bogħod mill-iskola Primarja.

Il-ġwejnaħ tal-ajruplan niżel f’nofs Triq is-Santwarju u ġġarrfet gallarija u saret ħsara kbira lil għadd ta’ proprjetajiet. Tqaċċtu għadd ta’ cables. Wieħed minn dawn il-cables ikkaġuna l-mewt ta’ Vincenza Zammit, għax dan ġie fuqha u ħadet xokk elettriku. 

B’kollox kien hemm sitt vittmi. Dawn kienu Vincenza Zammit u l-ħames membri tal-ekwipaġġ li kienu Ernest Stanly Lamber ta’ 42 sena, Gordon Anthony Pulman ta’ 34 sena, David William Beeden ta’ 38 sena, Gordon Barrow u Peter John Atkins ta’ 31 sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport