Monday, December 23, 2024

Splużjoni f’minjiera tad-deheb tħalli 60 persuna mejtin fil-Burkina Faso

Aqra wkoll

Madwar 60 persuna tilfu ħajjithom fi splu­żjoni kbira ġewwa minjiera tad-deheb fil-Burkina Faso. Din l-isplużjoni seħħet hekk kif bombi dynamite, li kienu maħżuna fil-viċin, għal xi raġuni ħadu n-nar. Qrib din il-minjiera hemm suq u kien hawn fejn il-maġ­ġoranza tal-persuni tilfu ħajjithom. 

Din l-isplużjoni, li wkoll feriet għexieren ta’ persuni, kienet tant qawwija li għadd ta’ siġar inqal­għu mill-għeruq u xi djar saħansitra ġġarrfu. Minnufih il-prosekutur reġjonali fetaħ investigazzjoni dwar dan il-każ. Hu mifhum li s’issa l-pulizija arrestat persuna b’rabta ma’ dan il-każ u dan qiegħed jiġi interrogat. 

Burkina Faso huwa wieħed mill-ikbar produtturi tad-deheb ġewwa l-Afrika. Il-maġġoranza tal-minjieri huma mħaddma minn kumpaniji internazzjonali, iżda jeżistu wkoll numru ta’ minjieri li mhumiex uffiċjali u dawn ħafna drabi jiskapulaw ir-regolamentazzjonijiet li suppost il-minjieri jkollhom jonoraw.

Ekonomija

Sport