Friday, December 20, 2024

Sport for Parkinson’s

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ħames assoċjazzjonijiet sportivi ser ikunu qegħdin jorganizzaw diversi attivitajiet matul ix-xahar ta’ April biex jinġabru fondi għaż-żewġ organizzazzjonijiet volontarji, Malta Parkinson’s u Step Up For Parkinson’s taħt il- pat­ronċinju tal-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca, eks President ta’ Malta.

Dan ħabbru Adrian Casha, il-moħħ wara l-inizjattiva Sport For Parkinson’s, waqt konferenza stampa ġewwa l-Lukanda Grand Hotel Excelsior nhar il-Ġimgħa waranofsinhar.  Huwa ta dettalji tal-kolla­borazzjoni bejn iż-żewġ għaqdiet li ngħaqdu flimkien taħt il-kappa Together For Parkinson’s.

Adrian Casha spjega kif l-isport tah identità wara karriera ta’ referee li kienet tirrikjedi determinazzjoni kbira, perseveranza u passjoni.

Huwa żied jgħid li “l-isport jagħmlek b’saħħtek mentalment, trid tibqa’ għaddej anki meta ssib ruħek tellief kontra kull mistenni. L-istess il-Parkinson’s. Meta tingħata l-aħbar tibda taħseb li ħajtek spiċċat, iżda wara perjodu ta’ aċċettazzjoni tagħraf il-mod kif tista’ tgħix ħajja normali.”

B’referenza għall-esperjenza per­sonali, Adrian Casha fisser kif l-isport għenu biex jaċċetta l-kundiz­zjoni tiegħu minħabba d-dixxiplina li tnisslet ġewwa fih matul is-snin bħala persuna li prattikat l-isport għal tant snin u llum jgħix bit-tama li jkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor biex ħadd ma jaqta’ qalbu.

Huwa radd ħajr lill-isportivi preżenti għall-appoġġ tagħhom tal-inizjattiva Sport For Parkinson’s, il-boxer Billy Corito, il- leġġenda tas-snooker Tony Drago, l-eks plejer internazzjonali tal-futbol Brian Said, l-atleta Alessia Cristina, iċ-champion tal-badminton Matthew Abela u l-coach tat-table tennis Katia Mifsud.

Adrian Casha ta d-dettalji tal-attivitajiet sportivi li ser isiru viċin il-11 ta’ April, il-Jum Dinji tal-Parkinson. L-għaqdiet parteċipi huma l-Evolve Badminton Academy, il-Malta Darts Association, il-Malta Table Tennis Klabb, il-Malta Billiards & Snooker Association u l-Veterans Malta Football Association.

Maratona ta’ 24 siegħa badminton ser tkun qiegħda tagħti bidu għall-kampanja ġbir ta’ fondi Sport For Parkinson’s, nhar is-Sibt 9 ta’ April fid-9.00 am, ġewwa l-Upper Gym tal-Kulleġġ MCAST, Raħal Ġdid, segwita minn logħob tad-darts li jibda fl-10.00 am fl-istess ġurnata ġewwa ċ-Circolo Musicale Santa Katarina, iż-Żejtun.

Nhar il-Ħadd, 10 ta’April l-attività tkompli b’Parent & Child Davis Cup u Doubles Table Tennis Tournaments bejn is-2.00 pm u s-7.00 pm fl-Iskola tad-Dorotej, Ħaż-Żebbuġ.

Nhar is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ April, ġewwa l-Akkademja tas- Snooker il-Ħamrun,  se jiġi organiz­zat tournament filwaqt li nhar is-Sibt 30 ta’ April fil-ground ta’ Ħaż-Żebbuġ tagħlaq il-kampanja sportiva permezz ta’ tournament triangolari tal-football  bejn Malta Veterans, SVVN Nijverdal Vets mill-Olanda u Old Wilsonians FC mir-Renju Unit li jibda fil-5.30pm.

Fl-indirizz tagħha, l-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca faħħret din l-inizjattiva u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-koperaz­zjoni massima bejn Malta Parkinson’s li għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet rappreżentata mis-segretarja Alice Peplow u Step Up For Parkinson’s, rappreżentata mill-fundatriċi u chairperson Natalie Muschamp.

L-eks President Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li Sport For Parkinson’s huwa proġett b’poten­zjal kollaborattiv qawwi mal-ġene­razzjoni żagħżugħa ta’ pajjiżna.  Hija kompliet tgħid li din l-inizjattiva qiegħda tagħti opportunità lis-soċjetà Maltija sabiex turi solidarjetà ma’ min għandu bżonn l-ispalla tagħna. 

L-Eċċellenza Tagħha awgurat li dan il-proġett iservi wkoll bħala mezz edukattiv għaż-żgħażagħ tagħ­na li jifhmu li l-isport ma jfissirx biss kompetizzjoni imma għan­du wkoll il-valur li naħsbu f’xulxin u li għandna nibqgħu ngħożżu sabiex jibqa’ legat fostna ħalli jkompli jsaħħaħna fil-fibra tagħna bħala soċjetà. 

L-eks President Marie-Louise Co­leiro Preca sellmet ukoll il- memorja tal-Professur Oliver Friggieri li tant ħadem fil-qasam lette­rarju Malti kif ukoll fil-qasam soċjali u politiku ta’ pajjiżna. Hija esprimiet l-apprezzament tagħha lejn id-determinazzjoni li kellu Oli­ver Friggieri, anki meta għex bil-Parkinson fl-aħħar snin ta’ ħajtu u qalet li tinsab ċerta li dan il-personalità Maltija qiegħed ukoll jappoġġja b’mod sħiħ lil din l-inizjattiva Sport For Parkinson’s.

L-Eċċellenza Tagħha faħħret kemm lill-professjonisti mediċi u psiko-soċjali kollha għas-sehem imprezzabbli tagħhom, kif ukoll lill-familjari ta’ min qiegħed jgħix bil-Parkinson u ddeskrivithom bħala eroj tas-soċjetà Maltija għa­liex permezz tal-kuraġġ tagħhom qegħdin jgħinu lil min għandu l-Parkinson jimxi ‘l quddiem.

Fi tmiem id-diskors tagħha, l-eks President Marie-Louise Coleiro Preca appellat lill-pubbliku Malti u Għawdxi, partikolarment lil kull min hu involut fl-isport f’pajjiżna, sabiex ikun ġeneruż u jikkontribwixxi għal din il-kawża ġusta, għax b’hekk biss Sport For Parkinson’s tista’ tkun suċċess u verament ikun avveniment annwali li jsir minn sena għal sena b’ċerta konvinzjoni ħalli ħadd ma jkun eskluż jew jibqa’ lura.

Wara d-diskors tal-Eċċellenza ġie preżentat lilha l-ktieb ‘Iċċaqlaq Nannu, Iċċaqlaq’ mill-awtriċi Doris Schembri, l-illustratriċi Mildred Bonanno Atanasio u d-Direttriċi ta’ Faraxa Publishing Joanne Micallef, li parti mill-qligħ mill-bejgħ ta’ din il-pubblikazzjoni ser imur għal Malta Parkinson’s u Step Up For Parkinson’s.

Ekonomija

Sport