Tuesday, December 24, 2024

Sport For Parkinson’s: Se jiġi organizzat tournament biex jinġabru l-fondi

Aqra wkoll

Kollox jinsab lest biex nhar is-Sibt li ġej, 30 ta’ April, fil-ground ta’ Ħaż-Żebbuġ jiġi organizzat tournament internazjonali bil-għan nobbli li jinġabru fondi għall-kawża ġusta għall-Kampanja Sport for Parkinson’s u l-Fondazzjoni Step up for Parkinson’s. It-tournament jibda fil-5.30 pm u se jkun kompost minn tliet logħbiet ta’ 40 minuta kull waħda.

Dan tħabbar waqt konferenza stampa li ġiet organizzata l-bieraħ fis-sala tal-konfe­renzi tas-Centenary Stadium, li ġie indirizzat mill-viċi-president tal-MFA, Adrian Casha, viċi-president tal-Malta Veterans Association, Stephen Wellman, minn Chris Fenech, segretarju tal-istess assoċjazzjoni u mill-president tas-South End Core, Dillon Mercieca.  

Is-Sur Casha sostna li jinsab ferm sodisfatt li ngħaqdu mal-Malta Veterans Association għal din l-attivitá li jinsab ċert li se tkun suċċess. Huwa qal li jinsab ferm kuntent bl-andament tal-affarajiet tal-kampanja Sports for Parkinson’s li tnediet fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

Huwa semma’ li  tmiem il-ġimgħa li għadda kien tassew suċċess fil-kwartieri tal-Malta Billiards and Snooker Association fil-Ħamrun fejn ġew organizzati diversi tournaments bi skop biex jinġabru fondi għal Sports for Parkinson’s u Step up for Parkinson’s. Fost oħrajn is-Sibt li għadda kien hemm fl-azzjoni l-player leġġendarju Malti, Tony Drago.

Il-ħolma tiegħu ewlenija hija li kull min isofri mill-kundizzjoni tal-Parkinson ikun jista’ jirrikorri għall-għajnuna neċessarja.

Is-Sur Casha ħabbar ukoll li se jkun qed isir irkant ta’ diversi flokkijiet prestiġjużi fosthom wieħed tal-club Olandiż ta’ AZ Alkmaar li se jkun qed jibda minn €100, kit komplut tal-ex goalkeeper internazzjonali, Andrew Hogg, li b’67 partita huwa t-tielet l-aktar goalkeeper li lagħab għal Malta wara David Cluett u Mario Muscat, liema kit se jkun qed jibda minn €150.  

Se jiġu rkantati wkoll flokk tal-ex difensur internazzjonali ta’ Hibernians, Andrei Agius, li lagħab bih fl-aħħar logħba kompetittiva tiegħu għat-team nazzjonali kontra s-Slovakkja, fl-14 ta’ Novembru li għadda u li se jkun qed jibda minn €250, kif ukoll flokk kommemorattiv tal-120 sena mit-twaqqif tal-MFA, li Malta lagħbet bih barra minn darna kontra l-Latvja u reb­ħet bl-iskor ta’ 1-0, fit-13 ta’ Ottubru, 2020, u li huwa ffirmat minn Stephen Wellman. Dan se jkun qed jibda bi prezz ta’ €120.  Dan minbarra banner bl-arma antika tal-MFA ffirmata minn diversi ex players leġġendarji tat-team naz­zjonali Malti fosthom Kris Laferla u John Buttigieg. 

Is-Sur Wellman u s-Sur Fenech qalu li huwa tassew ta’ unur għal din l-assoċjazzjoni li se tkun qed tipparteċipa f’dan it-tournament internazzjonali ta’ ħbiberija għal kawża ġusta. Huma kellhom kliem ta’ tifħir għal Ad­rian Casha għall-ħidma nobbli li qed iwettaq u qalu li meta kkuntattjahom biex jiffurmaw team għal dan it-tournament aċċettaw mill-ewwel. Fost il-players li se jilagħbu mat-team tal-Malta Veterans Association, hemm Wellman innifsu, Carlo Mamo, Andrew Cohen u Alex Muscat. Dan it-team se jkun qed jilgħab kontra Old Wilsonians Football Club tal-Ingilterra u l-Olandiżi ta’ SVVN.

Bħall-kelliema ta’ qablu, Is-Sur Mercieca qal li s-South End Core se jipprovdu l-briju neċessarju u jorganizzaw atmosfera xier­qa għal dan it-tournament. Huwa qal li fl-aħħar mill-aħħar, il-ħidma filantropika u r-responsabbiltá soċjali hija wkoll waħda mill-għanijiet tas-South End Core u għalhekk permezz ta’ dan l-avveniment, żgur li se jkunu qed jilħqu dan l-għan. Ta’ nota huwa l-fatt li s-South End Core matul din is-sena qed jiċċe­lebraw il-15-il sena anniversarju mit-twaqqif tagħhom hekk kif ġew iffurmati lura fl-2007. Matul din is-sena huma ngħataw status ta’ osservaturi waqt il-Laqgħat tal-Assemblea Ġenerali tal-MFA.

Fi tmiem din il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet ippreżentata għotja finanzjarja ġeneruża mill-infermiera li jkunu xogħol fl-istadia rispettivi ta’ kull tmiem il-ġimgħa lil Adrian   Casha għan-nom ta’ Step Up.

Ekonomija

Sport