Thursday, November 14, 2024

Sport Republic tixtri lil Southampton b’mod uffiċjali

Aqra wkoll

Id-ditta tal-investiment, Sport Republic, appoġġjata mill-biljunarju Serb, Dragan Solak, lestiet it-teħid ta’ Southampton FC billi ħadet sehem ta’ 80% fil-club, qal il-club tal-Premier League nhar it-Tlieta.

Solak, li tippossjedi l-United Group, kum­panija tat-telekommunikazzjoni, akkwistat il-club fi ftehim li huwa rappurtat li jiswa £100 miljun mingħand in-negozjant Ċiniż, Gao Jisheng, li xtara 80% tal-ishma tiegħu f’Awwissu 2017.

“Maul dawn l-aħħar sentejn, flimkien mal-azzjonisti tal-club tagħna, fittxejna s-sieħeb it-tajjeb biex imexxi l-club ‘il qud­diem. Illum sibna s-soluzzjoni perfetta għall-club tagħna,” qal il-kap eżekuttiv ta’ Southampton, Martin Semmens.

“Sport Republic huma investituri b’esperjenza, iżda wkoll b’esperjenza fid-dinja tal-isports professjonali elite. Din il-kombinazzjoni hija diffiċli ħafna biex issibha, u aħna ferħana li lħaqna ftehim li jiżgura l-futur tagħna għal żmien qasir u fit-tul.”

Katharina Liebherr, li wirtet lis-Saints mill-mibki missierha, Markus, fl-2010 meta kienu f’League One, li huwa t-tielet livell, se tkompli żżomm l-20%.

Sport Republic hija ditta bbażata f’Londra fl-industrija tal-isports u tad-divertiment b’Solak bħala l-investitur ewlieni tagħha. Il-portafoll tal-kumpanija jinkludi Tons­ser, app tal-football iddisinjata għal players żgħażagħ biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom.

“Southampton għandhom ħafna mill- kwalitajiet li ilna nfittxu f’organizzazzjoni sportiva ewlenija. Għandhom team bi tmex­xija mill-aqwa, żvilupp ta’ talent eċċellenti, timijiet ta’ talent jilagħbu football attraenti u bażi ta’ partitarji dedikati,” qal Solak.

Il-ftehim huwa t-tielet investiment sinifikanti fi club tal-Premier League fi spazju ta’ xhur wara li l-investitur biljunarju Ċek, Daniel Kretinsky, akkwista sehem ta’ 27% f’West Ham United f’Novembru u konsorzju appoġġjat mill-Arabja Sawdija xtara lil Newcastle United f’Ottubru.

Southampton jinsabu fl-14-il post fil-kampjonat b’21 punt minn 19-il logħba. Is-Sibt se jivvjaġġaw lejn Swansea City tat-tieni livell fit-tielet round tal-FA Cup.

Ekonomija

Sport