Tuesday, May 14, 2024

SportMalta fost dawk l-assoċjazzjonijiet li se jorganizzaw attività sportiva b’risq Hospice Malta

Aqra wkoll

Tħabbru d-dettalji ta’ Hospice Malta Festa Sport, attività li se ssir minn SportMalta flimkien ma’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi biex jinġabru fondi għal Hospice Malta. L-ewwel edizzjoni ta’ Hospice Malta Festa Sport se ssir fid-29 ta’ Ġunju li ġej f’għadd ta’ faċilitajiet sportivi u d-dħul mid-donazzjonijiet se jmur biex jitlesta s-St. Michael Hospice — l-ewwel faċilità għall-kura paljattiva f’Malta.

“SportMalta taħdem ma’ diversi entitajiet governattivi u anki mhux governattivi biex inkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. F’din il-Festa Sport qed naraw kif entità governattiva u s-settur tal-volontarjat, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet sportivi, qed iwasslu messaġġ li b’ħidma professjonali nistgħu nagħmlu d-differenza. B’hekk għandek l-udjenza sportiva li qed tagħti l-kontribut filantropiku tagħha”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima. Ritratt: Omar Camilleri – DOI

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia, tkellem dwar il-ħidma ta’ din l-ogranizzazzjoni u qal li l-Hospice ilha għal dawn l-aħħar 33 sena toffri servizzi ta’ kura paljattiva fil-komunità, u din is-sena qed joqrob it-tlestija tal-proġett Nazzjonali ta’ St. Michael Hospice li mistenni jinfetaħ lejn il-bidu tas-sena d-dieħla. “B’hekk inkunu nistgħu noffru servizzi ġodda u nkabbru s-servizzi eżistenti. Biżżejjed ngħidu li aħna noffru servizz lil madwar 1,300 familja li qegħdin fil-bżonn,” qal Delia.

“B’din il-kollaborazzjoni, Sport Malta qed tmur lil hinn mill-ħidma tagħha fis-settur sportiv, imma qed tgħaqqad l-isport ma’ għan nobbli — dak li permezz tal-faċilitajiet tagħha u faċilitajiet oħra, tgħin fil-missjoni ta’ Hospice Malta; dak li tagħti futur aħjar lill-pazjenti li jingħataw servizz minn din l-organizazzjoni,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar.

Iċ-Chief Relations Officer ta’ Hospice Malta, Andrew Zammit, spjega li għall-Festa Sport se jkun hemm tournament tal-Badminton bejn id-9:00 a.m. u nofsinhar fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop; tournament tal-beach soccer fl-4:00 p.m. fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa; kompetizzjoni tal-isparar bil-premji bejn id-9:00 a.m. u nofsinhar fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja; tournament tal-Volleyball mid-9:00 a.m. fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, u tournament tal-waterpolo Under 13 u Ladies Development fil-Pixxina Nazzjonali bejn id-9:00 a.m. u nofsinhar. Se jkun hemm ukoll tournament tal-isnooker.

Il-parteċipanti f’kull attività jistgħu jagħtu donazzjoni żgħira li permezz tagħha jkunu qed jgħinu lil Hospice Malta. Kulħadd huwa mistieden. 

Għal aktar informazzjoni u/jew biex tirreġistra, żur is-sit https://hospicemalta.org/festa-sport/

Sport