Monday, December 23, 2024

Sqallija tara tnaqqis fil-Coronavirus; Imbassar ftuħ gradwali fl-4 ta’ Mejju

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Kumitat tekniku xjentifiku għall-Emerġenza tal-Coronavirus fi Sqallija ħabbar li fid-dawl tal-informazzjoni inkoraġġanti tal-konteniment tal-pandemija fit-territorju reġjonali u fid-dawl ta’ kemm naqsu n-nies fl-isptarijiet u fit-taqsimiet għall-kura intensiva, qed ibassar li l-ftuħ gradwali ta’ Sqallija jista’ jibda mill-4 ta’ Mejju billi jibdew jinfetħu dawk l-attivitajiet b’riskju baxx. Dan filwaqt li jibqa’ jsir moniteraġġ u jkun hemm biżżejjed testijiet biex il-kontrolli jibqgħu jsiru.

Dan il-kumitat tekniku kellu konfront li dam aktar minn 48 siegħa mal-President tar-reġjun ta’ Sqallija, Nello Musumeci. Dan il-pass seta’ jittieħed wara li ġie kkonsultat il-pjan Ewropew dwar il-kundizzjonijiet li jrid ikun hemm biex jiġu llaxkati l-miżuri. L-ewwel nett, riedu jonqsu l-każi pożittivi, jonqos l-ammont ta’ nies rikoverati l-isptar u anke dawk fit-terapija intensiva. Barra minn hekk, ried jittieħed kont ta’ kemm is-sistemi tas-saħħa fi Sqallija tiflaħ tieħu ħsieb pazjenti u kemm kapaċi jsir moniteraġġ tajjeb tas-sitwazzjoni.

Madankollu, l-awtoritajiet jemmnu li l-miżuri ta’ distanza soċjali xorta għandhom jibqgħu hemm, b’mod speċjali f’ċerti postijiet tax-xogħol, għax inkella hemm iċ-ċans li n-nies jibqgħu jittieħdu.

Intant, xi pajjiżi fl-Ewropa mistennija wkoll inaqqsu l-miżuri ta’ lockdown matul din il-ġimgħa, filwaqt li pajjiżi bħar-Renju Unit mistennija jkomplu għaddejjin bihom għal żmien indefinit.

Pajjiżi bħal Franza, Spanja u l-Italja, li raw aktar minn 20,000 persuna tmut b’dan il-virus, issa qed jirreġistraw tnaqqis fin-nies morda u li jmutu wara ġimgħat sħaħ fejn in-numri baqgħu telgħin.

Mil-lum, il-Ġermanja se tħalli li jiftħu ħwienet żgħar. Il-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż, Jens Spahn li l-pandemija fil-Ġermanja issa tinsab taħt kontroll u tista’ tiġi mmaniġġjata. Dan wara li ġew irrekordjati aktar minn 135,000 każ u madwar 4,000 mewt. Franza għandha pjani b’tentattiv li terġa’ tiftaħ l-iskejjel fil-11 ta’ Mejju, għalkemm il-Prim Ministru Franċiż, Edourd Philippe qal li xorta għadhom ma ħarġux minn din il-kriżi u għalhekk is-sitwazzjoni se titjieb b’mod gradwali.

Min-naħa ta’ Spanja, dawn mistennija jħallu lit-tfal joħorġu mis-27 ta’ April.

Fin-Norveġja, fejn l-awtoritajiet jemmnu li l-virus jinsab taħt kontroll, se jinfetħu n-nurseries mil-lum u mhux se jkun ipprojbit li n-nies joqogħdu fi djar oħra li mhux tagħhom. Imbagħad mis-27 ta’ April se jinfetħu bil-mod l-iskejjel sekondarji u l-universitajiet.

Sadanittant, fl-Istati Uniti, li hu l-aktar pajjiż li ġie impattat mill-Coronavirus, dawn raw l-ammont ta’ mwiet titla’ għal aktar minn 40,000, fejn kienu rreġistrati 1,997 mewt fl-aħħar 24 siegħa.

Min-naħa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, din temmen li l-pandemija għad fadlilha ħafna milli tiġi kontenuta fuq livell globali.

Ekonomija

Sport