St Andrews Youth Team iċċelebraw ir-rebħa tagħhom fil-Kompetizzjoni BOV Youth Knockout fejn għelbu lil Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 4-1 fil-Finali. It-timijiet li kisbu l-ewwel żewġ postijiet fil-klassifika tal-aħħar sitta tal-Kampjonat BOV Youth ikkontestaw il-Finali li ntlagħbet fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun.
F’partita b’ritmu mgħaġġel ħafna, St Andrew’s sabu x-xibka fit-tielet minuta minn xutt ta’ Matthew Galliano u rduppjaw l-iskor fid-19-il minuta b’gowl ta’ Timothy Cassar Torreggiani. Pieta kellhom iċ-ċans inaqqsu d-distakk meta ngħataw penalty fit-23 minuta iżda Thomas Melillo ġie mċaħħad permezz ta’ save sabiħ minn Sebastian Mifsud. Sheldon Borg imbagħad għamel l-iskor 2-1 fit 38 minuta biex it-timijiet daħlu jistrieħu fuq dan il-punteġġ..
St Andrew’s resqu viċin li jżidu l-vantaġġ fil-65 minuta meta s-sostitut Adam Vella rċieva kross mingħand Benjamin Bonello Ghio iżda ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. George Delia skorja t-tielet goal ta’ St Andrews fis-86 minuta fejn kkonverta penalty bil-logħba tiġi issiġġillata fit-88 minuta permezz ta’ freekick ta’ Ethan Brincat Winters biex għalaq il-logħba bl-iskor ta’ 4-1.
Wara l-logħba, Ernest Agius, Chief Operations Officer fi ħdan il-Bank of Valletta u Adrian Casha, Viċi President tal-Malta Football Association ippreżentaw it-Tazza BOV Youth Knockout lir-rebbieħa.
L-appoġġ tal-Bank of Valletta lejn il-kompetizzjonijiet taż-Żgħażagħ tal-MFA jenfasizza l-impenn tal-Bank lejn l-iżvilupp taż-żgħażagħ fl-isport. Il-futbol taż-żgħażagħ jmur lil hinn mill-grawnd biss u għandu rwol vitali fl-iżvilupp fiżiku, soċjali u emozzjonali taż-żgħażagħ.
L-Iżvilupp Fiżiku, it-Tkabbir Soċjali u Emozzjonali, il-ħidma f’ambjent ta’ tim u l-ħiliet tal-ħajja Edukattiva huma fost l-attributi tal-Youth Football, inizjattivi li jallinjaw mill-qrib mal-istrateġija ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Bank of Valletta.