Wednesday, July 24, 2024

ST Malta bl-ewwel riżultati minn proġett ta’ riċerka u innovazzjoni f’Malta

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-fabbrika ta’ ST Microelectronics, li fiha għaddejjin proġetti pilota għal apparat diġitali u robotiku ġdid favur teknoloġija awtomatizzata fl-industrija 4.0, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna għandu l-ingredjenti kollha biex isir ċentru tal-innovazzjoni u t-teknoloġija Ewropea fis-settur tas-semiconductors.

Il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti Ewropej taħt il-programm Important Projects of Common European Interest (IPCEI) li qed iwassal għal proġetti ta’ riċerka u żvilupp fuq l-iktar teknoloġija avvanzati fid-dinja. Fl-impjant ta’ ST f’Ħal Kirkop qed jiġu fil-fatt żviluppati prodotti teknoloġiċi innovattivi bil-għan li jitjieb l-operat tal-kumpanija fil-manifattura tal-microchips.

Il-Prim Ministru mhux biss innota l-impenn tal-Gvern li jappoġġja l-innovazzjoni ta’ fabbrika bħal ST iżda nnota kif il-futur ta’ din il-kumpanija f’Malta, li tħaddem mal-1,800 ruħ, hu sabiħ.

Fi żjara li għamel qabel fl-impjant, fejn ra l-operat għaddej li jwassal biex il-kumpanija tipproċessa mat-2.7 miljun ċippa kuljum, il-Prim Ministru Abela qal li r-realtà hi li ħafna mill-affarijiet li nużaw, minn smartphones għal vetturi, għandhom fihom ċipep li jsiru f’Malta.

Qal li dawn iċ-ċipep għandhom irwol importanti fid-dinja teknoloġika tal-lum u allura l-irwol ta’ Malta f’qafas teknoloġiku hu sinjifikanti.“Dan huwa l-mod kif qed nimmodernizzaw l-ekonomija ta’ pajjiżna u noħolqu impjiegi ta’ kwalità fejn l-istudenti Maltin u Għawdxin jistgħu jsibu impjiegi fl-iktar setturi ta’ teknoloġija avvanzata fid-dinja. Din hija l-ambizzjoni li qed juri l-Gvern fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż”, sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-impenn ta’ ST f’Malta u xhieda ta’ dan huwa l-investiment li għaddej fl-impjant ta’ Ħal Kirkop bl-appoġġ tal-Malta Enterprise u INDIS. Fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri raw xogħol li għaddej dwar teknoloġija state-of-the-art li tindirizza l-ittestjar u l-ippakkeġġjar ta’ ċipep diġitali għall-vetturi u industriji fost oħrajn. Dan flimkien ma’ teknoloġija avvanzata marbuta mal-manifattura awtomatizzata mħaddma bl-intelliġenza artifiċjali.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta mhiex qed tkun passiva ssegwi dak li qed jiġri fl-industrija marbuta mas-semiconductors. Anzi minflok qed twassal vuċi fuq livelli Ewropej biex tkompli tissaħħaħ il-kompettitività industrijali u fl-innovazzjoni. Innota kif mhux ta’ b’xejn li pajjiżna issieħeb fl-IPCEI fil-qasam tal-Microelectronics u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni.

Dr Abela qal li dak li ra fil-proġetti pilota huma l-ewwel riżultati tanġibbli mill-programm tal-IPCEI, programm li l-Università ta’ Malta hi sieħeb indirett fih permezz tal-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi f’Malta u l-ST f’pajjiżna. Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-industrija u r-riċerka. F’dan il-kuntest fakkar fi ftehim riċenti li l-Gvern laħaq ma’ IMEC, ċentru rinomat mad-dinja kollha fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tan-nanoelectronics u teknoloġiji diġitali.

Il-Prim Ministru fisser kif dak li beda f’ST se jsaħħaħ l-ekosistema f’pajjiżna għall-innovazzjoni u t-teknoloġija tas-semiconductor li jkomplu jimmodernizzaw l-ekonomija tagħna, li tibqa’ toffri l-aqwa opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment iż-żgħażagħ.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li Malta tinsab f’pożizzjoni tajba biex tisfrutta l-opportunitajiet ta’ tkabbir li qed jinħolqu fl-industrija tas-semiconductors.

Il-Ministru Schembri qal li l-edukazzjoni hija importanti biex din l-industrija tkompli miexja ‘l quddiem, bil-Gvern jinsab kommess li jsostni t-talent permezz ta’ taħriġ tekniku u programmi ta’ upskilling.

Ekonomija

Sport