Carmen
Saved as st patricks
Picture: profile george u general st patricks
Illum hija ċċelebrata St Patrick’s Day, festa li hija ċċelebrata bil-kbir fl-Irlanda u fost il-komunitajiet Irlandiżi madwar id-dinja. Għalkemm din mhiex festa tradizzjonali Maltija, f’dawn is-snin daħlet parti mill-kalendarju tagħna hekk kif fostna għandna komunitajiet Irlandiżi, kif ukoll persuni barranin oħra li jiċċelebraw din il-festa sinonima mal-kulur aħdar u xi flixkun birra. Dwar din il-festa u kif daħlet, x’tibdil jew effetti jista’ jkollha fuq il-kultura u l-identità lokali tkellimna mal-Professur fl-Università ta’ Malta u Studjuż tal-Patrimonju u t-Turiżmu Kulturali, George Cassar li min-naħa tiegħu jara kif lokalment din il-festa hija ċċelebrata mill-aspett ta’ divertiment tal-massa u mhux mil-lat kulturali lokali.
Il-Profs Cassar beda biex jispjega li, “il-festa ta’ San Patrizju, jew kif inhija l-aktar magħrufa fostna, St Patrick’s Day, illum hu avveniment li semgħu bih ħafna Maltin. Nhar is-17 ta’ Marzu, ta’ kull sena (sakemm ma jaħbatx matul il-Ġimgħa Mqaddsa), eluf ta’ Maltin u barranin, kemm dawk li jkunu qegħdin jgħixu u jaħdmu Malta u kif ukoll turisti li jafu jżuru Malta apposta għal din l-okkażjoni, jinġabru San Ġiljan u jqattgħu ġurnata hemm. Dan jagħmluh, biex ngħidu hekk, f’isem San Patrizju”.
L-istorja ta’ San Patrizju
Hawn huwa nsista li tajjeb ninnotaw li dan il-personaġġ huwa l-qaddis patrun tal-Irlanda u għex bejn ir-raba’ u l-ħames seklu wara Kristu. Huwa miżmum bħala dak li kkonverta lill-Irlandiżi għall-Kristjaneżmu. Il-Knisja stabbilit il-jum uffiċjali tal-festa ta’ San Patrizju fil-bidu tas-seklu 17. “Maż-żmien isem dan il-qaddis infirex mal-erbat irħiħ tad-dinja biex illum insibu ċelebrazzjonijiet u manifestazzjonijiet f’numru ta’ lokalitajiet mifruxin mas-seba’ kontinenti. Iva, anke fl-Antarktika,” kompla dan l-istudjuż.
Mill-informazzjoni li tana, l-ewwel darba li saret ċelebrazzjoni għad-unur San Patrizju kien fl-Amerka ta’ Fuq u dan seħħ fil-belt ta’ Boston, Massachusetts. Kienet is-sena 1737 (u għalhekk waqt li l-Amerka kienet għadha taħt l-Ingliżi) meta l-Irish Society ta’ Boston tellgħet parata u hekk bdiet l-aktar parata qadima ta’ Jum ta’ San Patrizju fl-Istati Uniti. L-Irlandiżi għamlu l-ewwel parata tagħhom ġewwa l-belt ta’ Waterford fl-1903.
Il-jum huwa tipikament immarkat b’parati pubbliċi, ċelebrazzjonijiet popolari u xorb alkoħoliku. L-aħdar hu l-kulur ewlieni filwaqt li x-shamrock, il-pjanta nazzjonali Irlandiża, tintlibes għall-okkażjoni.
Kif daħlet f’Malta
Il-Profs. Cassar spjega kif “f’Malta, Jum San Patrizju ilu jkun attivament imfakkar għall-inqas mill-bidu tas-seklu 20. Dan minħabba l-preżenza ta’ truppi Irlandiżi stazzjonati f’Malta fi żmien il-perjodu kolonjali Britanniku. Jidher li suldati mir-Royal Dublin Fusiliers li kienu jifformaw parti mill-gwarniġjon tal-kolonja, ħarġu bl-idea li jiftakru f’pajjiżhom billi jiċċelebraw dan il-jum, bħalma kienu bdew jagħmlu ħuthom fl-Irlanda fl-istess żminijiet. Stazzjonati viċin Balzunetta, fil-Furjana, dawn is-suldati kienu jimlew il-ħwienet tax-xorb u erħilhom ilegilgu l-ispirti. Maż-żmien Irlandiżi li kienu jinsabu Malta jew li ssetiljaw hawn, komplew din it-tradizzjoni”.
Huwa qal li kien fl-2013 li saret l-ewwel parata ta’ Jum San Patrizju ġewwa Valletta. Organizzawha l-Irish-Maltese Circle u din telqet minn Bieb il-Belt u mxiet matul Triq ir-Repubblika. Ħadu sehem numru ta’ artisti u għaqdiet li taw ħajja u kulur lil din il-parata.
“Għalkemm Jum San Patrizju, kif għidna, ikun ikkomemmorat madwar id-dinja kollha, flimkien ma’ manifestazzjonijiet li jinxtieħbu, ikun hemm ukoll il-laqtiet partikolari li jintrabtu mal-modi u l-gosti tal-pajjiżi varji. Hawn Malta, ikkonċentrajna fuq l-aspett ta’ divertiment tal-massa fejn il-qofol taċ-ċelebrazzjoni ssir fl-inħawi ta’ Spinola fejn eluf ta’ nies, ġeneralment ta’ età żagħżugħa, jiltaqgħu, jitkellmu, jidħku u jixorbu, primarjament il-birra. Ħlief għall-kulur aħdar u xi emblemi li jfakkru fl-Irlanda, l-ewwel motivazzjoni għall-massa miġburi mhix li jġeddu jew li jfakkru l-kultura Irlandiża. Hij aktar okkażjoni, bħal ħafna oħrajn, fejn in-nies jiltaqgħu u jiddevertu kif ukoll tan-negozji jagħmlu ftit qligħ”.
Rigward ir-residenti, Profs. Cassar stqarr li, “dawn ikollhom jissapportu l-istorbju, l-mases ta’ nies u n-nuqqas ta’ rispett lejn il-komunità tal-post li mhux bilfors taqsam l-istess entużjażmu taċ-ċelebranti li, filwaqt li jinvadu l-ispazji miftuħa, meta kollox jispiċċa, jitilqu u jħallu warajhom ħmieġ u diżordni”.
Manifestazzjoni ta’ xorb ġewwa San Ġiljan…
Mil-lat turistiku, semma’ kif nafu li jiġu Malta numru sostanzjali ta’ persuni biex jipparteċipaw fil-manifestazzjoni ta’ xorb ġewwa San Ġiljan. “Nafu, madankollu, li mhux kull turist huwa dejjem sors ta’ benefiċċju għad-destinazzjoni. F’dan il-każ, ħafna mill-viżitaturi juru nuqqas ta’ rispett lejn il-komunità li tospitahom b’ħafna modi li jinkludi fost oħrajn, tbaħrit bla kontroll, vandaliżmu varju u ħsarat anke fil-lukandi u l-postijiet fejn jalloġġaw”.
Mil-lat kulturali l-Profs Cassar ma jħossx li billi jiġi ċċelebrat Jum San Patrizju, anke minn ħafna Maltin, dan qiegħed jaffettwa b’xi mod inkwetanti l-kultura lokali. “Dan minħabba l-fatt li l-manifestazzjoni hija waħda frivola mil-lat popolari u tintuża biex tinħataf opportunità oħra biex issir festa fit-toroq li l-iskop primarju huwa wieħed kummerċjali u momentanju li jiġi, jgħaddi u jintesa sas-sena ta’ wara. M’hemmx għeruq persistenti u għalhekk ir-residwu kulturali u minimu biex ma ngħidx ineżistenti. Tant huwa hekk, li anke wara aktar minn seklu ta’ Jum San Patrizju (darba fis-sena) il-preżenza ‘Irlandiża’ ma tinħasx fl-identità Maltija, ma tispuntax aktar minn f’jum wieħed f’sena fir-rutina tal-poplu u ma ħalliet l-ebda impronta fuq il-patrimonju ta’ pajjiżna,” temm jassigura l-Professur u studjuż George Cassar.