St Peter’s Żabbar fetħu l-istaġun bil-kbir meta rebħu s-Super Cup organizzata mill-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi Maltin wara li għelbu lil Għaxaq Boċċi Club 21-20.
Kienet partita li laqqgħet kontra xulxin ir-rebbieħa tal-kampjonat kontra t-tim lil kiseb suċċess fit-Tazza tal-Anġlu.
Għaxaq fetħu tajjeb u sa tmiem l-ewwel sessjoni huma kienu qed jirbħu 11-3. Minkejja kollox, iż-Żabbarin wettqu bidla meta daħal Emanuel Brignone minflok Vince Galea u minn hemm il-logħba ħadet żvolta oħra.
F’ħin minnhom, Għaxaq kienu qed jirbħu 20-16 fejn kien għad jonqshom biss punt biex jagħlqu l-logħba iżda ġugata wara l-oħra mill-plejers tas-St Peter’s tawhom ir-rebħa drammatika.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi Maltin Clinton John Saliba ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ St Peter’s Żabbar Conrad Borg.
Sadanittant illum jingħata bidu għall-kampjonat fejn għandna dan il-programm ta’ logħob:
Thalassalejn – Għaxaq
Żejtun – St Peter’s Żabbar
Żebbuġ – Lija
Msida – Tarxien
Buġibba – Żurrieq
Birkirkara – Żabbar.