Monday, December 23, 2024

Sta Lucia jaħsdu lil Birkirkara … jiksbu double fuqhom

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Birkirkara …….2

Sta Lucia ……..3

Wara r-rebħa ta’ 2-1 fuq Valletta, Sta Lucia ħasdu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 3-2 biex ħadu nifs ġdid fit-taqtiegħa tagħhom għas-salvazzjoni.

Dan minbarra li huma kisbu double fuq l-Istripes li ddiżappuntaw bil-kbir minħabba li ma rnexxielhomx inaqqsu d-distakk ta’ punti fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika biex issa jinsabu tmien punt ‘l bogħod mil-leaders Floriana.

Kien fis-16-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Santa Lucia jkunu huma li joħolqu l-periklu meta minn kontrattakk veloċi, Vito Plut għadda lejn Filho Prestes li kellu x-xutt tiegħu minn taħt il-lasti jiġi maqlugħ minn fuq il-linja fatali minn Oscar Carniello.

Huma komplew jippressaw u, fit-22 minuta, resqu viċin meta xutt ta’ Jurgen Pisani mill-qrib ġie salvat mill-goalkeeper Amara Sylla, b’Carniello jitfa’ l-ballun f’corner.

Mill-corner li rriżulta mogħti minn Patrick Silva Mota, il-Luċjani rnex­xielhom jiftħu l-iskor permezz ta’ ANDRE PRATES li b’daqqa ta’ ras preċiża xeħet fix-xibka.

Birkirkara wieġbu fit-38 minuta b’xutt qawwi ta’ Carniello minn barra l-kaxxa li ġie mdawwar f’corner mill-goalkepeer Justin Haber.

Huma komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wara, Leandro Aguirre kellu xutt mill-viċin li ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Sta Lucia, biex mir-rebound Luke Montebello minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment barra.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Luċjani ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-55 minuta rebħu penalty meta Enrico Pepe waqqa’ lil Patrick Silva Mota fil-kaxxa. Mill-11-il metru JURGEN PISANI ma żbaljax.

Fl-64 minuta huma kabbru l-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ free-kick, xutt  ta’ LORENZO FONSECA SOARES mid-distanza ħa­sad għal kollox lil Sylla.

Madankollu Birkirkara għamlu reazzjoni u fil-75 minuta naqqsu d-distakk meta OSCAR CARNIELLO kkonkluda bir-ras mill-free-kick ta’ Leandro Aguirres.

Fid-89 minuta huma skor­jaw it-tieni goal minn JED VALLETTA wara taħwida quddiem il-lasti avversarji.

Peró ma kienx fadal wisq ħin biex ir-rimonta Karkariża setgħet tkun kompluta.

BIRKIRKARA: 12-Amara Sylla, 5-Enrico Pepe, 7-Luke Montebello, 11-Kurt Zammit, 21-Ryan Scicluna (20-Federico Falcone 78), 22-Cain Attard, 23-Bismark Ngisah (6-Yannick Yankam 60), 25-Oscar Carniello (10-Paul Mbong 91), 27-Leandro Aguirre, 30-Kilian Bevis (16-Jed Valletta 78), 70-Jeferson Macedo   – Coach: Andre Paus

STA LUCIA: 16-Justin Haber, 4-André Parates, 5-Jurgen Pisani, 6-Nicholas Pulis, 7-Gianmarco Conti, 8-Patrick Silva Mota, 9-Vito Plut, 11-Davidy Ayrton Meghon (14-Jan Tanti 80), 17-Victor Luiz Prsetes Filho, 23-Dexter Xuereb, 29-Yoel Lorenzo Soares Fonseca   – Coach: Giovanni Tedesco

REFEREE: Ishmael Barbara

ASS. REFEREES: Luke Portelli, Paul Apap

RABA’ UFF: Stefan Pace

SKORERS: A. Prates 23, J. Pisani 56 pen, Y. L. Fonseca Soares 64 (SL), O. Carniello 75, J. Valletta 89 (B)

AMMONITI: B. Ngissah, E. Pepe, L. Montebello, C. Attard, L. Aguirre (B), L. Y. Fonseca Soares, P. Silva Mota, D. Xue­reb (SL)

Ekonomija

Sport