Santa Lucia kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Mosta bl-iskor minimu ta’ 1-0 liema rebħa tista’ titqies bħala ossiġenu ġdid fit-tentattiv li jsalvaw mill-għarqa.
Huma pproduċew l-isbaħ logħob u kienu tattikament ferm iddixxiplinati, b’din ir-rebħa tista’ titqies bħala tassew meritata.
Kienu Santa Lucia li ħolqu l-ewwel periklu wara disa’ minuti meta Nagamatsu, kellu x-xutt jaħbat max-xibka ta’ barra, biex b’hekk ta l-illużjoni tal-goal.
Huma komplew jippressaw u fil-21 minuta fetħu l-iskor meta ADAM BRADSHAW tefa’ ġewwa permezz ta’ xutt b’saħħtu mill-viċin, wara li approfitta minn żball ta’ Agius fil-kaxxa.
Mosta wieġbu għall-ewwel darba man-nofsiegħa logħob, meta Sciberras kellu x-xutt tiegħu li ntemm għoli.
Fil-35 minuta, Santa Lucia reġgħu ħolqu l-periklu bi Piazza jkollu x-xutt tiegħu jintemm ftit barra.
Fil-45 minuta, Nagamatsu għal Santa Lucia kellu t-tentattiv tiegħu jiġi salvat minn Akpan.
Kien biss fit-72 minuta li waslet l-azzjoni sussegwenti denja ta’ nota, b’Mosta jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Aliyu Isah kellu t-tentattiv tiegħu jintemm għoli.
Fit-80 minuta, Mosta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa Sasha Cachia wara li rċieva żewġ karti sofor fi spazju ta’ żewġ minuti.
Proprju fid-90 minuta Santa Lucia resqu viċin li jirduppjaw l-iskor meta minn azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, Piazza kellu x-xutt mill-viċin li ntemm ftit barra.
Fil-ħin miżjud, huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom.
Sta Lucia: 12-Celio Da Paz, 3-Mattias Ellul, 10-Adam Bradshaw, 17-Jurgen Pisani, 18-Jan Tanti (21-Jamie Carbone 74), 20-Gonzalo Nicolas Virano (22-Hulk 62), 27-Alessio Piazza, 33-Patrick De Oliveira, 55-Sven Xerri, 80-Evandro Pinto Coach: Alessandro Zinnari
Mosta: 22-David Udoh Akpan, 4-Adolfo Chara, 5-Sasha Cachia, 7-Aliyu Isah, 8-Damian Aneni (Shedrack 58), 9-Philip Agbado (30-Jean Paul Farrugia 76), 11-Ndubisi Nnaji, 16-Gianluca Sciberras (19-Uzoma Eziukwu 58), 21-Nathan Agius (92-Kevin Tulimieri 46), 74-Jake Vassallo, 77-Zachary Brincat Coach: Joseph Grech
Referee: Ishamel Barbara
Assistenti: Duncan Spencer, Paul Apap
Raba’ Uffiċjal: Trustin Farrugia Cann
Skorers: A. Bradshaw 21 (SL)
Ammoniti: P. De Oliveira Ramos, Hulk (SL), S. Cachia (M)
Tkeċċa: S. Cachia 80 (M)
Player tal-Logħba: Tatsuro Nagamatsu (SL)