L-Ewropa qiegħda tiffaċċja wieħed mill-agħar staġuni ta’ nirien fil-foresti li qatt ġew irreġistrati hekk kif eluf ta’ ettari fi Spanja u Portugall qegħdin jinħarqu f’temp rekord.
Skont is-sistema Ewropea ta’ monitoraġġ, jirriżulta li din is-sena diġà nħarqu aktar minn miljun ettaru ta’ art. Din iċ-ċifra qabżet kull rekord preċedenti, inkluż dak tal-2017 meta nħarqu 988,000 ettaru.
Il-konsegwenzi huma devastanti. In-nirien bla kontroll ikkawżaw madwar 37 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO₂, li huma ekwivalenti għall-produzzjoni annwali ta’ pajjiż bħall-Portugall jew l-Iżvezja. Barra minnhekk il-livelli ta’ tniġġiż fl-arja laħqu quċċati rekord b’impatt serju fuq is-saħħa pubblika.
It-temperaturi estremi fejn xi reġjuni jilħqu aktar minn 40 °C, flimkien ma’ nixfa persistenti u bidliet fl-użu tal-art, qegħdin joħolqu kundizzjonijiet ideali għall-ħruq mifrux.
Tħassib serju fost l-awtoritajiet … Jista’ jkun li l-agħar għadu ġej…
Il-Portugall waħdu tilef aktar minn 274,000 ettaru, kważi tliet darbiet il-medja annwali tal-aħħar 20 sena. F’xi każi l-pumpiera kellhom jirtiraw żoni milquta minn nirien li nfirxu bla kontroll.
Il-kriżi tqanqal ukoll tħassib serju dwar il-futur bl-awtoritajiet Ewropej inkwetati li dan l-istaġun tan-nirien bla kontroll, li diġà huwa storiku ta’ nirien, għadu ma wasalx fl-agħar punt tiegħu.