Saturday, November 30, 2024

Stand News se tagħlaq… daqqa ta’ ħarta oħra għad-demokrazija ta’ Hong Kong

Aqra wkoll

Stand News, li hija waħda mill-aħħar organizzazzjonijiet tal-midja li taħdem favur id-demokrazija ġewwa Hong Kong, se tkun qiegħda tagħlaq il-bibien wara rejd kbir li sar mill-pulizija fejn għadd ta’ ħaddiema ġew arrestati. 

B’kollox kien hemm sitt persuni li ġew arrestati u fosthom hemm anke eks ħaddiema ta’ din l-organizzazzjoni. L-arrest, li sar mill-Pulizija ta’ Hong Kong, seħħ minħabba allegazzjonijiet ta’ “kospirazzjoni biex jiġu ppubblikati pubblikazzjonijiet se­dizjużi”, jiġifieri li jinċitaw lin-nies biex jirribellaw. 

Kawża ta’ dan kollu, f’kumment li din l-organizzazzjoni tellgħet fuq Facebook hija qalet li, “minħabba s-sitwazzjoni, Stand News se tkun qiegħda twaqqaf l-operazzjoni tagħha immedjatament.” Hu mifhum li iktar minn 200 uffiċjal tal-pulizija ntbagħtu biex iwettqu dan ir-rejd fl-uffiċini ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-Pulizija qalu li huma kellhom l-awtorizzazzjoni li “jfittxu u jieħdu materjal ġurnalistiku relevanti.” 

L-istqarrija tal-kumpanija kienet tgħid illi s-sit ta’ Stand News mhux se jkun qiegħed jiġi aġġornat iktar u l-kontenut fuq il-midja soċjali se jitneħħa. L-istarrija kompliet tgħid illi numru ta’ persuni ġew arrestati biex jassistu fl-investigazzjoni filwaqt li għadd ta’ kompjuters u dokumenti ttieħdu mill-uffiċini tagħhom. L-età ta’ dawk arrestati – li huma tliet nisa u tlett irġiel – tvarja bejn 34 u 73 sena.

Sport