Thursday, April 25, 2024

Standard and Poor’s tikkonferma r-rating ta’ kreditu għal Malta bħala A-/A-2 b’Outlook Stabbli

Aqra wkoll

Il-livell għoli tad-dħul ta’ Malta, is-surplus rikorrenti fil-kont kurrenti u l-politika tal-gvern li naqqset l-iżbilanċi fil-finanzi pubbliċi b’suċċess żammew ir-rating ta’ Malta minn Standard and Poor’s għal A-/A-2 b’Outlook Stabbli, minkejja l-pandemija globali. 

Standard and Poor’s innotat li t-tnaqqis fid-dejn nazzjonali għal 43 fil-mija tal-PGD fl-2019, li huwa taħt sew il-livell stipulat mill-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir tal-UE, minn 70 fil-mija fl- 2011, qed jagħti lok fiskali sabiex Malta tiflaħ għax-xokk ekonomiku assoċjat mal-COVID-19. L-aġenzija tal-kreditu tinnota wkoll li, l-buffers fiskali kbar li Malta rnexxielha tibni grazzi għas-surpluses annwali konsekuttivi, ir-rati baxxi ta’ imgħax, u l-Pandemic Emergency Purchase Programme (PEPP) maħruġ mill-Bank Ċentrali Ewropew se jgħinu sabiex jikkontrollaw il-piż tad-dejn fis-snin li ġejjin. 

L-aġenzija tal-kreditu faħħret il-pakkett komprensiv ta’ miżuri ta’ emerġenza implimentati mill-gvern biex jissalvagwardjaw id-dħul u jipprevjenu l-għeluq tan-negozji. Tabilħaqq, tgħid li mingħajr dan il-pakkett finanzjarju komprensiv, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta’ Malta kien jonqos b’rata ferm aktar għolja, il-qgħad kien jiżdied b’rata aktar mgħaġġla u n-negozji solventi kienu jkunu sfurzati jgħalqu b’detriment, possibilment permanenti, għall-ekonomija. 

Standard and Poor’s irrikonoxxiet l-isforzi tal-gvern biex isaħħaħ l-istandards superviżorji. Fil- fatt, hija tinnota b’mod pożittiv li kemm l-FIAU kif ukoll l-MFSA żiedu l-baġits u l- investimenti tagħhom fir-riżorsi umani u fit-teknoloġija u adottaw strateġiji biex itejbu l-ġbir tad-data u l-għodod tal-valutazzjoni tar-riskju. Barra minn hekk, faħħret ir-riforma li għamel il-gvern fil-mod ta’ kif jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Malta. 

Standard and Poor’s qed jistennew li l-impatt ekonomiku u baġitarju negattiv tal-pandemija COVID-19 mhuwiex se jagħmel ħsara sinifikanti u strutturali fuq il-finanzi pubbliċi u l- ekonomija. 

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal; “Għal darb’oħra, ninnutaw b’sodisfazzjon li Standard and Poor’s, flimkien ma DBRS, faħħru l-effettività tal- politika tal-gvern, kemm fil-passat biex niżguraw li l-pajjiż ikun ippreparat sew sabiex jilqa’ kriżi, u kif ukoll illum fis-sosten lill-ekonomija waqt il-kriżi.”

Sport