Thursday, June 5, 2025

“Standards ogħla fil-qasam ambjentali” 

- il-Ministru Miriam Dalli

Aqra wkoll

“Hija bidla li l-ħtieġa tagħha kienet ilha tinħass. Riforma ambizzjuża li wassalnieha, bħalma wassalna u se nkomplu nwasslu għadd kbir ta’ inizjattivi ambjentali oħra.”

Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli fid-dibattitu parlamentari dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex ikun emendat l-Avviż Legali 53 tal-2025 – Regolamenti tal-2025 dwar il-Permessi Ambjentali.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Dalli spjegat kif wara li l-Gvern irriforma u saħħaħ il-liġi tal-ambjent, ippubblika l-avviż legali li jirriforma u jirregola b’mod ġdid il-permessi ambjentali.  

“L-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent kellha direzzjoni politika ċara biex din il-bidla ssir fl-ewwel nofs ta’ din il-leġiżlatura. Ir-rispons tal-esperti kien wieħed pożittiv ħafna. Qaluli: ‘Qed nieħdu gost għax wasal iż-żmien li jkollna l-kuraġġ li nagħmlu dan il-pass’”, qalet il-Ministru Dalli. 

Din il-bidla saret bil-mira li tilħaq tliet għanijiet partikolari: L-ewwel: standards ogħla. It-tieni: parteċipazzjoni usa’ taċ-ċittadini. It-tielet: li noħolqu level playingfield fl-industrija. 

“L-avviż legali se jwassal għal standards ogħla fil-mod kif joperaw numru ta’ attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent jekk u mhux regolati kif xieraq. Hemm numru ta’ attivitajiet li se jkunu regolati għall-ewwel darba. Meta ngħid attivitajiet, primarjament qed nitkellem fuq industrija, fuq barrieri, fuq impjanti, fejn l-avviż legali jieħu wkoll kunsiderazzjoni tal-każ x’inhu.”

“Fil-fatt hemm tliet livelli ta’ permessi fejn kull livell hu ddeterminat mill-effett li l-attivita ekonomika, industrijali jew xorta oħra jista’ jkollha. Għalhekk ukoll hemm varjetà f’dawk li huma ħlas għall-applikazzjonijiet, żmien ta’ proċessar u anke t-tip ta’ proċedura applikata.

“It-tliet livell ta’ riskji huma baxx, medju u għoli fejn kull proċess allura jrid jieħu t-triq tiegħu skont dawn il-livelli.”

“Din il-bidla ssaħħaħ u f’ċerti każi tintroduċi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fejn se jissaħħaħ id-dritt li jipparteċipaw fil-proċessi, inkluż f’uħud fejn qatt ma kellhom dritt ta’ parteċipazzjoni u r-regolamenti l-ġodda jagħti wkoll aċċess għall-ġustizzja dwar l-istess deċiżjonijiet.

“Hija wkoll riforma li toħloq level playingfield bejn l-operaturi diversi. Ma jistax ikun li fil-pajjiż, jekk tkun cowby, jekk tħares biss l-interessi tiegħi u tara kif se taqla’ aktar flus f’inqas żmien, mingħajr ma tagħti każ lil ta’ madwarek, jiġi jaqbillek. Aħna rridu li min jinvesti biex ikollu standards ambjentali ogħla ma jkunx żvantaġġjat fil-konfront ta’ min ma jħaddimx dawn l-istandards. Huwa għalhekk li fuq terminu ta’ żmien raġonevoli kulħadd irid jilħaq dawn l-istandards, inkluż min diġà għandu operat. Iva, hemm min għandu ċertu operat diġà u ħassejna li hu ġust li jkun hemm perjodu ġust ta’ tranżizzjoni,” spjegat il-Ministru Dalli filwaqt li tenniet li dawn ir-regolamenti ma jdaħħlu l-ebda taxxa ġdida. 

Hija fakkret ukoll kif dan il-Gvern kien, għadu u jibqa’ jgħin lin-negozji fejn l-iktar meħtieġ. Fil-fatt, qed jinħarġu skema wara oħra biex in-negozji jagħmlu għażliet sostenibbli.

Il-Ministru Dalli semmiet ukoll li għandna numru ta’ industriji li se jkunu regolati għall-ewwel darba. Mal-avviż legali hemm żewġ skedi għal dan il-għan. L-ewwel skeda hi dwaroperat, interventi u attivitajiet li jrid ikollhom permess ambjentali minnufih. Fiha hemm 42 kategorija. Eżempju ta’ dawn huma:

• ħażna ta’ skart perikoluż

• operat ta’ barriera li jista’ jinkludi t-tqattigħ tal-blat u, jew ir-riċiklaġġ ta’ skart intert jew skart li ġej minn kostruzzjoni u twaqqigħ,

• faċilità li twettaq il-ħażna temporanja ta’ skart li ġej mill-kostruzzjoni u twaqqigħ, u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, riċiklaġġ jew irkupru ta’ tali skart.

Imbagħad fit-tieni skedahemm numru ta’ attivitajiet fejn illum jeżisti operat li għadu mhux regolat b’permess ambjentali. Min diġa’ għandu l-operat għaddej irid iġib cleareance f’sitt xhur biex imbagħad għandu erba’ snin biex jikseb il-permess ambjentali. Dan hu perjodu tranżitorju bi prinċipji naturali tal-ġustizzja. 

Kull operat ġdid irid ikun mill-ewwel konformi ma’ dawn il-permessi ambjentali. Fit-tieni skeda hemm tmintax il-katerogija Eżempju ta’ dawn huma Barrieri, Faċilitajiet tal-ippakeġjar tas-siment, Biċċeriji, Tarznari, Operazzjonijiet tal-farmaċewtika u Reklamazzjoni tal-art.

“Meta tara l-iskop wara dan l-avviż legali u l-mod kif sar joffri bażi b’saħħitha anke għaliex sar wara ħafna konsultazzjoni. U għalhekk irrid finalment nerġa’ ntenni ejja napprofittaw mill-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna biex ngħollu l-livell ambjentali,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport