Wednesday, November 13, 2024

Standards ogħla għal vittmi ta’ vjolenza domestika

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tħabbru sett ta’ standards sabiex jibdew jiġu applikati fi djar residenzjali li jilqgħu nisa vittmi ta’ vjolenza domestika. Dawn l-istandards issa se jmorru għall-konsultazzjoni pubblika, fejn il-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jagħti s-suġġerimenti tiegħu.

Dan tħabbar il-Ħamis filgħodu mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, li qal li dawn l-istandards se jkunu mqassma fuq żewġ kategoriji – dawk residenzjali u l-oħrajn fil-komunità.

Dawn il-linji gwida se jkunu qed jagħtu direzzjoni ta’ x’inhuma dawk l-ogħla standards li rridu jilħqu djar li jilqgħu persuni bi problema ta’ vjolenza domestika.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-għan ewlieni huwa li niffukaw fuq il-provvista tas-servizzi mogħtija fix-shelters, kif issir l-għażla tal-impjegati, u kif dawn is-servizzi huma speċifikament immirati biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni.

Se jkun qed jingħata wkoll ‘aftercare plan’ sabiex tkun assigurata kontinwità u stabbiltà għal dawn il-persuni vulnerabbli.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis faħħar din l-inizjattiva li ser tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika mill-aktar wiesgħa. Il-vjolenza domestika hija pjaga soċjali b’għeruq fis-soċjetà tagħna li għandha tiġi miġġielda minn kull aspett.

Il-ministru jittama li dan il-proċess iwassal għal modi ġodda ta’ kif din il-pjaga għandha tiġi indirizzata. Dan l-impenn bejn żewġ ministeri differenti juri r-rieda politika u l-kordinament tal-gvern f’dan ir-rigward. Il-vittmi tal-vjolenza domestika mhumiex fid-djar ta’ kenn biss, iżda l-aktar fi djarhom stess.

Is-Segretarju Parlamenti għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajartenniet li bħalma min ikun vjolenti għandu bżonn l-għajnuna professjonali, daqstant ieħor il-vittmi tal-vjolenza domestika ghandhom jingħataw refuġju u għajnuna professjonali biex ma jkunux esposti għal xi forma ta’ aggressjoni oħra. Kompliet tgħid li l-vjolenza domestika tista’ tolqot lill-persuna ta’ kull faxxa tas-soċjetà. Mill-2010 s’issa nqatlu 16-il mara minħabba l-vjolenza domestika.

Ikkonkludiet billi qalet li bħala gvern se nkomplu bl-impenn tagħna biex nkomplu nassistu lill-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards Soċjali Matthew Vella stqarr li fil-qalb tal-Istandards Soċjali Regolatorji għal Vjolenza Domestika wieħed isib l-aħjar interess tal-individwi li esperjenzaw vjolenza domestika filwaqt li fil-moħħ hemm il-prinċipji ta’ sigurtà, governanza u simplifikazzjoni tal-proċessi li jwasslu għal servizzi tal-ogħla kwalità. Dawn il-linji gwida ġew żviluppati sabiex jagħtu d-direzzjoni neċessarja biex dawk li jipprovdu s-servizz jieħdu deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ ħaddiema kif ukoll mal-mod ta’ kif għandu jitmexxa s-servizz fil-qasam tal-vjolenza domestika. Dawn l-istandards saru b’konsultazzjoni interministerjali, kif ukoll mal-provdituri tas-servizz u professjonisti f’dan is-settur sabiex jiġi assigurat li l-perspettivi kollha jiġu kkunsidrati. F’dan il-proċess, l-awtorità kkonsultat ukoll mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għal Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika.

Dan id-dokument jista’ jinkiseb minn fuq www.scsa.gov.mt jew www.meae.gov.mt. Il-pubbliku huwa mistieden jagħti r-reazzjoni fuq il-linji gwida li huma proposti għall-provditur tas-servizz u jagħti aktar suġġerimenti jew kummenti. Dawn jistgħu jintbagħtu b’ittra elettronika fuq [email protected], jew bil-posta fl-indirizz: Regulation and Standards Office, Social Care Standards Authority, 469, Bugeia Institute, St Joseph High Road, Santa Venera, SVR 1012. Il-pubbliku jista’ wkoll iċempel fuq in-numru 2549 4446 għal kull assistenza dwar kif jintbagħtu r-reazzjonijiet.

Ekonomija

Sport