Jistaħba fit-terrazzin biex jisma’ konversazzjonijiet ta’ martu mas-sieħeb tagħhom. Jipprova jissemma’ bil-lejl. Jisma’ lis-sieħeb jgħid lil martu jekk użatx il-kimika li kien ġabilha mix-xogħol fuq ir-raġel tagħha. Spiċċa ma jafdax. Kienu jibqa’ mqajjem bil-lejl. Lanqas kien jiekol mid-dar. Il-kommunikazzjoni ma’ uliedu ma baqgħetx diretta. Ibnu kien qallu li ma setax ikellmu aktar jew jibagħlu bil-mowbajl għax ommu ordnatlu jagħmlu hekk. It-tifla qaltlu li ommha ma’ tridhiex tgħannqu.
F’dan il-każ, il-Qorti iddikjarat li ż-żwieġ falla minħabba l-adulterju tal-omm.
Ir-raġel xehed li martu minn dejjem kienet toħroġ u ġġib ruħha b’kunfidenzi żejda ma’ irġiel oħra, anke fuq il-post tax-xogħol. Kien jagħmel żmien twil imsiefer fuq xogħol u wara kien sar jaf minn diversi nies li l-mara kienet tiffrekwenta post partikolari ma’ raġel ieħor apertament u mingħajr ebda tentattiv ta’ ħabi . Kien beda jinduna li kien hemm xi ħaġa ħażina fiż-żwieġ tagħhom iżda l-mara kienet ħarġet tqila. Hu kien biddel ix-xogħol u beda jaħdem ħinijiet tal-uffiċini filwaqt li martu kienet taħdem ħinijiet ta’ filgħaxija. Għalhekk hu kien joqgħod mat-tarbija meta martu kienet tkun xogħol. Mix-xogħol kienet anke ġabet pittura u skultura u qalet li kienu sinjal ta’ ringrazzjament għax kienet daret bl-artist. Darba bil-lejl semagħha titkellem ma’ dan l-artist u kienu qed jiftehmu biex jiltaqgħu tlett ijiem wara. Dakinhar li ftehmu kien mar warajha, kien stahba u rahom jixorbu l-inbid, jitgħannqu u jitbewwsu. Wara xi siegħa, kien ikkonfrontahom. Kien qabadha tkellmu xi darbtejn oħra u widdibha li jekk mhux ser tieqaf tkelmu kien se jissepara. Kien staqsieha jekk it-tarbija kinitx filfatt tiegħu u kienet wieġbet fl-affermattiv. Hu iżda qatt m’għamel testijiet ġenetiċi.
Fix-xhieda tiegħu hu qal li huma jappoġġjaw partiti politiċi opposti. Filwaqt li l-ġenituri tiegħu – kienu jakkomodaw lill-martu billi jbiddlu l-istazzjon tat-televiżjoni, mhux l-istess kienu jagħmlu l-ġenituri tagħha li anke kienu ħadu lill-ulied il-partijiet għall-attività politika mingħajr il-kunsens tiegħu. Meta sar jaf b’dan, kien inqala’ argument kbir bejn il-partijiet.
Fis-sena 2014 ir-relazzjoni tal-partijiet kienet marret lura sew u l-missier jgħid li kien ikollha x’taqsam miegħu biex tagħlaqlu ħalqu. Kien qabadha titkellem ma’ xi ħadd fuq il-mowbajl bil-lejl iżda ma setgħax jifhem x’kien qed jintqal. Kien beda jibqa’ mqajjem bil-lejl sabiex jipprova jaqbadha. Meta kkkonfrontaha, hi kienet qaltlu li kienet qed tippjanalu sorpriża għall-għeluq sninu iżda hu ma kienx emminha u għalhekk is-suspetti li kellha lill-ħaddiehor reġgħu tqanqlu.
Mix-xhieda tiegħu joħroġ li kienu telgħu għall-weekend f’lukanda f’Għawdex fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu. Waqt li t-tfal tal-partijiet kienu qed jilgħabu f’żona għalihom, kellhom konversazzjoni twila fuq is-suspetti tiegħu. Hi kienet weġbitu b’kumment li fih ikkumparat l-parti sesswali tiegħu ma’ dak tas-sieheb tagħha u hemm għalih, kienet ammettiet li kellha x’taqsam sesswalment miegħu biex kienet taf fuq l-organu tiegħu.
F’Diċembru tas-sena 2014, kienu organizzaw festin għall-impjegati fil-post ta’ ħuha. Waqt dan il-festin, wieħed mill-impjegati kien fis-sakra u beda jiżfen b’mod provokattiv ma’ martu. Hi kienet tidher imbarazzata iżda ma waqfitux qabel intervjenew impjegati oħra. Kien hemm min kien ikkummentalu kif martu kienet ħallietu jiżfen magħha b’dak il-mod quddiemu u quddiem kulħadd.
Fi Frar tas-sena ta’ wara, hu ddecieda li ma setgħax jibqa’ sejjer hekk u kien kera appartament ftit ‘ilbogħod mid-dar matrimonjali. Kienu baqgħu bl-istess rutina mat-tfal iżda kien jinżel jorqod f’dan l-appartament. Ftit tal-ġimgħat wara, l-mara riedet tkun taf jekk ir-raġel kienx ser jirritorna fid-dar matrimonjali. Kien sar jaf li kienet qed tiffrekwenta raġel ieħor. Kienu qalulu li kienu rawhom flimkien kif ukoll kien ra l-messaġġi bejniethom fuq il-mowbajl tagħha. Il-partijiet kienu ftehmu li kellu jorqod id-dar lejliet għeluq snin binhom u waqt dak il-lejl, kien reġa’ semagħha titkellem fuq il-mowbajl ma’ dan ir-raġel waqt liema telefonata bdiet tirridikulah u tgħidlu li xtaqet li kien hemm hu minflok ir-raġel ħdejha. Kien ikkonfrontaha filgħodu u kienet skużat ruħha. Iżda waqt l-ikla tal-Għid li kien imiss, ir-raġel kien xogħol u ċemplitlu l-mara minħabba t-tfal. Waqt tali telefonata semagħha tgħid lill-membri tal-familja tagħha li hu kien qed jakkużaha li kellha wiċċ ieħor meta hi kienet dejjem bit-tfal.
Ir-raġel ikompli jixhed li darba minnhom akkumpanja lit-tifla tagħhom fuq ħarġa tal-iskola u t-tifla kienet ħadet l-iPad li kienet tuża’ ommha biex tieħu r-ritratti. Waqt tali ħarġa, bdew deħlin kommunikazzjonijiet bejn il-mara u s-sieħeb tagħha fejn hu beda jgħidilha li r-raġel kien jabbuża minnha psikoloġikament u hi tibgħatlu ritratti ta’ kostumi erotiċi.
Beda jisma’ mingħand it-tfal li l-membri tal-familja tal-mara bdew jgħidulhom li missierhom kien telaq mid-dar minħabba li kellu mara oħra barranija u t-tifel kien jgħidlu li jekk jitkellem fuqu omm il-mara kienet teħodha kontrih u tgħidlu li ma kienx iħobb lil ommu.
Jixhed li għamel ħabta jmur id-dar matrimonjali filgħodu u joqgħod mistoħbi fit-terrazzin li kellhom ħdejn il-kamra tas-sodda prinċipali. Darba meta kien mistohbi semagħha ċċempel lis-sieheb tagħha, tistiednu jgħidilha x’jagħmlilha kieku kien magha, li ma setgħetx tmur miegħu ġo lukanda, u li l-kelb kien dehra ma jitlax magħha meta tirritorna lura wara li tkun miegħu sesswalment. Darba oħra semagħha toffendi lis-sieħeb tagħha minħabba li kien wegħdha li kien se jitlaq lil martu iżda ma kienx għadu għamel hekk.
Enfasizza li kien irritorna d-dar matrimonjali iżda kien beda jorqod fil-kamra tas-sodda tat-tifel. Kien jisma’ l-messaġġi deħlin bil-lejl mill-kamra matrimonjali u ġieli sab lil martu bilwieqfa hdejh. Ma baqax jafdaha u ma kien jiekol xejn mid-dar.
F’Ġunju tas-sena 2015 kien sar jaf li s-sieħeb ta’ martu kien telaq lil martu u mar jgħix f’appartament l-Imsida. Kien bagħat messaġġ lil martu u iltaqgħu. Fl-istess xahar, martu kellha tieġ tax-xogħol u telqet mid-dar kmieni wara nofs inhar iżda waslet it-tieġ tard bil-lejl għax fil-frattemp kienet qattgħet il-ħin fl-appartament tas-sieħeb tagħha. Kienet infurmat lir-raġel, li ser tibda tagħmel xogħol part-tajm iżda kien jgħaddi mit-triq tal-appartament tas-sieħeb tagħha u jara l-karozza tagħha barra.
Qal li darba minnhom kienet ħierġa mat-tfal u kellha l-mowbajl f’idejha. Tfixklet għax beda jdoqq il-mowbajl imma ma kienx dak ta’ idejha. Indunaw li kellha mowbajl ieħor eżatt l-istess biex tkun tista’ tkellem lis-sieħeb tagħha biss.
Ir-raġel jixhed li t-tifla tal-partijiet bdiet tiġi segwita minn professjonista li kienet għamlitha ċara mar-raġel biex ma tlaqqagħhiex mas-sieħeb ta’ martu. Kien ħareġ ukoll li t-tifla xtaqet li ommha ma tkunx preżenti waqt l-aċċess tagħhom mal-missier minħabba li kienet ilha żmien twil tisma’ ħafna kontrih mingħand in-nanniet materni tagħha u kienet bdiet tibża’ mill-missier.
Mix-xhieda tiegħu jirriżulta li kien ircieva telefonata mingħand ħabib komuni tagħhom li kien avżah li martu kienet qalet lill-mara tiegħu li kienet se tipprova tipprovokah biex jerfa’ jdejh fuqha. Filfatt l-ghada bdiet tiġġieled miegħu u tipprovokah. Fl-aħħar kienet imbuttatu u hu mbuttaha lura. Hemm hekk bdiet tgħajjat li kien refa’ jdejh fuqha. Kien hawn li qalilha li hu kien jaf b’kollox ghax kien ingaġġa investigatur privat u hi tant ippanikkjat li qabdet it-tfal u marret tgħix fl-appartament tagħha f’San Ġiljan. Minn dakinhar ħadet ħafna affarijiet mid-dar taħt il-pretensjoni li kienu tagħha jew kienu xtrawhomlha l-ġenituri tagħha.
F’Mejju tas-sena 2016, it-tifla tal-partijiet kellha l-preċett u l-omm għamlitilha festin żgħir fl-appartament ta’ San Gwann. Is-sieħeb tagħha mar taħt il-pretensjoni li kien il-fotografu. Kemm it-tifel tal-partijiet kif ukoll il-kuġin tal-konvenuta kienu għarfuh. Minn dakinhar ‘ilquddiem, beda jarah jew il-karozza tiegħu ħdejn l-appartament, u beda jara lil martu tuza’ l-vettura tiegħu. It-tifla kemm-il darba esprimiet dwejjaq li s-sieħeb tal-omm kien qed ikun il-ħin kollu għandhom u ma kienx qed ikollhom ħin waħedhom m’ommhom. Kienet tilmenta li anke t-tifla tas-sieħeb tagħha kienet spiċċat torqod fis-sodda magħha.
Jirriżulta ukoll mix-xhieda tar-raġel li l-mara spiċċat siefret mas-sieħeb tagħha u t-tfal tal-partijiet u anke marret Għawdex għal tmint ijiem b’dan li waqt dawn il-vjaġġi, iben il-partijiet kien jispiċċa jorqod fl-istess kamra tagħhom. Wara dawn l-avvenimenti s-sieħeb tal-omm beda jorqod u jqum magħhom f’San Ġiljan u meta bintu kien imissha miegħu, kienet tkun magħhom ukoll. Kienet inqalgħet sitwazzjoni għax bint il-partijiet bdiet tgħir għal bint is-sieħeb tagħha u ma riditix torqod magħha u bint is-sieħeb tal-omm ma riditx torqod waħedha.
Il-missier jgħid li kien attenda show taż-żfin tat-tifla fejn kien bilqiegħda eżatt wara martu, is-sieħeb tagħha u l-familjari tiegħu. Wara li żifnet it-tifla beda jara r-recording li kien ħa tagħha u l-mara bdiet tgħajjat li kien qiegħed jieħu recording tagħha. Hu telaq minn postu biex jevita l-inkwiet iżda s-sieħeb tagħha u ħuh segwewh u għamlu għalih. Inqala’ argument bejniethom u s-sieħeb ta’ martu beda jintimidah. Wara mar jagħmel rapport l-Għassa.
Jgħid li iben il-partijiet kien qallu biex ma jiħux għalih imma ma setgħax jibagħtlu aktar messaġġi minħabba li l-mowbajl kienet xtratulu ommu u kienet ordnatlu biex ma jibgħatx messaggi lill-missieru minn fuqu. Ftit wara bint il-partijiet bdiet tibki minħabba li quddiem ommha ma tkunx tista’ tgħannaq lil missierha jew turi affezzjoni.
Kienet qaltlu li wara l-għajjat li kienet għajtet ma’ ħuha minħabba l-mowbajl, ma riditx li tgħaddi mill-istess esperjenza. Kienu kkonfermawlu li meta huma qed jirritornaw id-dar, kien hemm drabi li kienu qed ikunu waħedhom mas-sieħeb ta’ martu għax hi kienet tkun għadha x-xogħol imma talbuh biex ma jikxifhomx. Kien hemm anke darba li t-tifla ħaditha kontra n-nanna materna għax din bdiet tgħidilha li kienet tweġġa’ lill-ommha kull darba li tmur tara lill-missierha. Jgħid li filfatt ilum spiċċa f’sitwazzjoni li m’għandux komunikazzjoni diretta ma’ uliedu minħabba l-aġir ta’ ommhom u l-indħil tas-sieħeb tagħha.
Fil-kontro-eżami, ir-raġel iżid jgħid li darba meta kien qiegħed jissemma’ lill-martu, sema’ lis-sieħeb tagħha jsaqsiha jekk kinitx użat il-kimika li kien taha minn fuq ix-xogħol fuq ir-raġel tagħha.
Tixhed il-mara
Il-mara tiegħu xehdet li r-raġel kien xtaq li jibda jaħdem barra minn Malta. Qalet li kien jiħi Malta għal tmiem il-ġimgħa kull tlett ġimgħat. Meta waslu biex jiżżewħu, missierha kien iddeċieda li jwaqqa’ villeġġjatura li kellu u jibni blokka ta’ apartamenti minflok. Kienu ħadu self bankarju biex jixtru wieħed minn dawn l-appartamenti li kien offrilhom għal prezz baxx.
Qalet li wara li żżewwġu, r-raġel ried li jerġa’ jġedded il-kuntratt tax-xogħol barra minn Malta. Din id-darba hi ħassitha frustrata u ma qablitx ma’ dan, għax riedet li jibdew jgħixu ta’ familja. Qalet li waqt it-tqala bit-tifel kienet tirċievi ħafna telefonati anonimi li fihom raġel kien jgħidilha li żewħha kellu nisa’ oħra. Qalet li dawn it-telefonati kienu bdew jaffetwawha b’mod ħażin ħafna. Tgħid li fuq ix-xogħol kienet għamlet ħbieb ma’ raġel li beda jiffrekwenta l-post ta’ spiss għax kien jinduna li kienet imdejqa. Kienu jixorbu flimkien u l-kunfidenza bejniethom kibret. Ir-raġel kien skopra b’din il-ħbiberija u rrabja ħafna iżda l-partijiet kienu tkellmu u mxew ‘ilquddiem.
Qalet li bdiet tara li r-raġel kien qiegħed iqatta’ sigħat twal ix-xogħol u għalhekk biex tipprova tibbilanċja aktar, kompliet bl-istudji tagħha u sussegwentament sabet impjieg. Minkejja dan il-pass, ir-raġel baqa’ jaħdem l-istess sigħat u ma kienux iqattgħu ħin bħala familja. Riedet li jsiefru flimkien bħala familja iżda r-raġel baqa’ ma kkommettix ruħu u anke jekk huma kienu bil-vaganzi tas-sajf, lilu ma kienux jarawh għax kien ikun dejjem xogħol. Tgħid li beda jgħidilha li ried jissepara u kien jippreferi joqgħod barra sakemm jara d-dlam ġewwa d-dar qabel jirritorna. Kienet organizzat tmiem il-ġimgħa flimkien ġewwa Għawdex iżda r-raġel għamel il-ħin kollu jevita u jirrifjutaha. Sabiex ikunu flimkien fil-Milied tas-sena 2014, kienet organizzat ikla iżda anke hemm beda jevitaha u pprefera jqatta’ l-ħin jiċċaċra mal-kuġini tagħha dwar ħarħa li kellhom flimkien ġo strip club. Tgħid li ppruvat tissuġġerixxi li jmorru għall-marriage counselling iżda hu dejjem qalilha li t-tir tiegħu kien li jitlaq miż-żwieg tiegħu. F’Marzu tas-sena 2015 kienu iltaqgħu l-futbol tat-tifel u kien offrilha li jmorru jieklu flimkien u jżuru lill-ġenituri tiegħu. Kienet aċċettat mill-ewwel bit-tama li forsi r-raġel jerġa’ lura d-dar. Minkejja dan, fl-aħħar tal-ġurnata, huwa xorta telaq lejn l-appartament li kien kera. Kien dakinhar li hi ddeċidiet li ż-żwieġ tagħha kien spiċċa u neżgħet iċ-ċurkett tat-tieġ.
Qalet li dak ix-xahar stess kellha reunion tal-iskola u hemmhekk iltaqghet mas-sieħeb tagħha li kienet diga’ taf mill-ġranet tal-iskola. Bdew jitkelmu fuq is-separazzjoni peress li t-tnejn kienu għaddejjin minnha u wara baqgħu f’kuntatt.
Id-deċiżjoni tal-Qorti
Il-Qorti qalet li “l-partijiet jaqblu li ż-żwieġ tagħhom tkisser irrimedjabilment, iżda għal raġunijiet kompletament konfliġġenti. Ir-raġel b’mod konsistenti jgħid li ż-żwieġ tkisser minħabba r-relazzjonijiet extra-maritali li kellha u li għandha martu. Dawn ir-relazzjonijiet, fi kliem ieħor, l-adulterju, huma filfatt ammessi minn martu iżda għaliha dan l-aġir ma kienx dak li wassal għat-tkissir taż- żwieġ. Il-mara tgħid li filfatt hi zbaljat l-ewwel sena biss wara li żżewġet minħabba li kienet titħalla ħinijiet u perjodi twal waħedha minħabba li r-raġel kien jaħdem barra minn Malta.
Il-Qorti ddikjarat li wara li semghet id-diversi testimonjanzi tal-partijiet, kif ukoll rat il-provi dokumentarji mressqa minnhom, tqis illi filfatt, kien l-adulterju tal-mara li wassal għat-tkissir taż-żwieġ. Il-Qorti qalet li ma taqbilx mat-teżi tar-raġel li ż-żwieħ tkisser mal-ewwel adulterju tal-mara fis-sena 2007. Din il-Qorti tqis li r-raġel qed jieħu din il-pożizzjoni minħabba benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw li kieku jiġi stabbilit hekk. Il-Qorti salet li ż-żwieġ għadda minn burraxka meta r-raġel qabadha fil-kumpanija ta’ raġel ieħor wara li kien sab il-messaġġi skambjati bejniethom.
Il-Qorti qalet li m’hemmx dubju li ż-żwieg tal-partijiet tkisser minħabba l-adulterju tal-mara filwaqt li dik l-imġieba li l-mara filfatt takkuża lir-raġel biha jiġifieri l-ossessjoni tiegħu li jaqbadha ma’ ħaddiehor kellha filfatt bażi valida għax filfatt hekk irriżulta.

