Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer qal li Andrew Mountbatten-Windsor għandu jixhed quddiem il-Kungress tal-Istati Uniti dwar l-allegati rabtiet tiegħu ma’ Jeffrey Epstein.
Starmer, li kien jinsab il-Ġappun għal laqgħa mal-Prim Ministru Sanae Takaichi, kien mistoqsi mill-ġurnalisti jekk l-eks prinċep għandux jitlob skuża lill-vittmi ta’ Epstein, u jagħti xhieda dwar dak li jaf bl-allegat reati tiegħu.
Ġie rrapportat li Mountbatten-Windsor, li s-sena li għaddiet tneħħewlu t-titli tiegħu, jissemma b’mod promienti fl-Epstein files, li kienu rilaxxati mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti nhar il-Ġimgħa.
Ħu r-Re allegatament jidher f’ritratt għarkupptejh fuq mara li tinsab mimduda mal-art. Din il-ġabra ta’ dokumenti tinkludi wkoll imejls li jindikaw li Mountbatten-Windsor stieden lil Epstein fil-Palazz ta’ Buckingham f’Settembru tal-2010, sentejn wara li kien instab ħati ta’ akkużi li ħeġġeġ tfajliet żgħar saħansitra ta’ 14-il sena għal attivitajiet sesswali.
Wara li ħarġu l-aħħar dokumenti marbuta mal-Epstein files, Starmer qal: “L-ewwelnett, dejjem avviċinajt din il-kwistjoni bil-vittmi ta’ Epstein f’moħħi. Il-vittmi ta’ Epstein għandhom ikunu l-ewwel prijorità. Fir-rigward ta’ jekk għandux ikun hemm apoloġija, dik hija kwistjoni għal Andrew.
“Imma iva, f’termini ta’ xhieda, dejjem għidt li kull min għandu informazzjoni għandu jkun lest li jaqsam dik l-informazzjoni fi kwalunkwe forma li jintalab jagħmel dan. Ma tistax tkun iffokat fuq il-vittma jekk m’intix lest li tagħmel dan.”


