Monday, August 18, 2025

STARS OF FIRE – Ix-show annwali tan-nar sinkronizzat mal-mużika għall-Festa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

It-tielet Ħadd t’Awwissu, sinonimu mal-festa ta’ Marija Kewkba tal-Baħar f’Tas-Sliema, jew kif inhu magħrufa wkoll Stella Maris. Festa mżejna b’armar mill-isbaħ, briju uniku u show tan-nar sinkronizzat mal-mużika li jittella’ lejlet il-festa u li jattira eluf ta’ Maltin u turisti. 

Snin ilu, il-membri tal-Għaqda tan-Nar Stella Maris, kellhom ħolma li jtellgħu show tan-nar uniku li jixgħel u jdawwl is-smewwiet ġewwa x-Xatt Tas-Sliema. Madwar 10 snin ilu, din il-ħolma saret realta hekk kif ittella’ għall-ewwel darba dan ix-show spettakolari. 

Din is-sena mhux eċċezzjoni, hekk kif il-membri ta’ din l-għaqda għaddejjin bil-preparamenti tagħhom biex nhar is-Sibt, 23 t’Awwissu, għal sena oħra jittella’ x-show Stars of Fire ġewwa x-Xatt Tas-Sliema. 

Dan ix-show huwa attrazzjoni unika għad-dilettanti kollha tal-festi, il-piroteknika kif ukoll il-fotografija, hekk kif joffri xenerju ta’ lwien uniku. 

Il-ħarqa tan-nar tal-ajru, tibda għall-ħabta tad-9:30PM, b’varjetà ta’ logħob tan-nar fosthom murtali tal-beraq, sajżijiet, murtali tal-logħob, murtali tal-kulur, sfejjer, beraq pront u blalen tal-kulur, bil-qofol tas-serata jintlaħaq għall-11PM, bix-show tan-nar Stars of Fire.  

Il-Festa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema qiegħda tkun iċċelebrata mit-18 t’Awwissu sal-24 t’Awwissu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport