Stqarrija maħruġa mill-Eurostat tikkonferma l-kwalità dejjem tikber tat-turiżmu lejn pajjiżna. Dan hekk kif turisti Ewropej li żaru lil pajjiżna kellhom is-sebgħa l-akbar nefqa minn fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Fl-2024 turisti Ewropej li żaru lil pajjiżna nefqu kważi elf ewro kull vjaġġ li għamlu. B’kuntrast il-medja Ewropea hija ta €850 biss.
Għal l-ewwel darba n-nefqa fi vjaġġi lejn Malta qabżet il-medja għal vjaġġi lejn l-Italja. Kif ukoll lejn pajjiżi bħal Franza, l-Awstrija u l-Ġermanja. L-akbar spiża hija mal- €1500 f’ Ċipru mentri l-anqas hija €400 fis-Slovakkja.
Meta tħares lejn in-nefqa kull lejl Malta qiegħda anke aħjar. Dan għax tinsab fir-raba post bi spiża taħt €170 kull lejl kontra medja ta €125 kull lejl fit-turiżmu madwar l-Ewropa. B’ kuntrast fir-Rumanija l-ispiża kullnlejl hija ta €70 kull lejl biss.
Bħala medja turisti Ewropej qed joqgħodu 6 il-jiem f’pajjiżna kontra medja ta kważi 7 ijiem madwar l- Ewropa. Fil-Greċja it-turisti qed idumu mad-9 ijiem jew 3 ijiem aktar milli f’ Malta.
Dan filwaqt li l-istatistika turi li t-turiżmu f’ Malta naqqas l-element staġjonali biex il-proporzjon ta turisti li jiġu jżuru lil pajjiżna f’Lulju u f’Awwissu huma mal-medja Ewropea. F’ Ċipru l-proporzjon tat-turiżmu fis-sajf huwa darba u nifs il-proporzjon tagħna. Fil-Kroazja kważi 45% tat-turiżmu jkun f’xahrejn biss jew id-doppju tas-sitwazzjoni f’pajjiżna.
Esperti fil-qasam sostnew li din l-istatistika turi kemm hi fake news il-propaganda li saret dan is-sajf minn elementi tal-Partit Nazzjonalista li ppruvaw jikkupjaw il-kampanji tal-overtourism ta postijiet bħal Barċellona u Venezja. Dan meta f’Malta jiġu 6 turist għal kull resident kontra 15 f’Barċellona u 120 f’Venezja. L-istatistika turi lil Malta fl-istess sitwazzjoni bħal Praga, belt fejn ħadd ma jgerger fuq it-turiżmu.
Intant hekk kif in-nefqa ta turisti Ewropej tidher li laħqet livelli tajbin ħafna jidher li l-iżvilupp tal-industrija jista jkun lejn li turisti Ewropej idumu ljieli aktar f’pajjiżna fejn jidher li fadal fejn jitjiebu riżultati għal pajjiżna. Imma oġġettiv aktar promettenti jista jkun it-turiżmu Amerikan fejn dawn tipikament dawn jonfqu mat-tlett darbiet aktar kull lejl li jqattgħu f’pajjiż. Il- bidu ta titjiriet diretti minn New York għalhekk qed ikun ferm mistenni fost l-operaturi turistiċi.

