Nhar is-Sibt, 25 ta’ Ottubru li għadda, id-Deputat Nazzjonalista u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tella’ post fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li fiha kiteb preċiżament dan li ġej:
Illum bkejt
Waħdi.
Wara 7 snin ta’ gideb
Wara 7 snin ta’ allegazzjonijiet
Wara 7 snin ta’ manipulazzjonijiet
Wara 7 snin ta’ ħsara kattiva
Fl-aħħar waslet l-ittra li kont ilni nistenna
L-aħbar li għal snin stennejt
Kont ilni ngħid :
Li qatt ma ħsilt flus ;
Li dwar il-propjetà Londra (Soho) jien kont biss avukat ;
Li qatt ma ksirt il-liġi ;
Li qatt ma kont involut f’ebda illegalità ;
Kont ilni snin niddikjara l-innoċenza
Kont ilni snin nikteb għal azzjoni biex toħroġ il-verità.
Issa ħarġet,
Sentejn ilu rebħet Malta.
Illum rebħet il-verità.
Jumejn wara, it-Tnejn, 27 ta’ Ottubru, 2025, il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista In-Nazzjon, fuq l-aħħar paġna kellu rapport intitolat Adrian Delia: “Fl-aħħar… rebħet il-verità”. Jakkumpanja r-rapport kien hemm ritratt ta’ Adrian Delia fuq mejda mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg. Nikkwota kelma b’kelma minn dan ir-rapport:
“Is-Sibt li għadda d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia rċieva dokument mingħand l-FCID li kien ilu jistenna s-snin. L-ittra uffiċjali kkonfermat li Adrian Delia ma għadu taħt l-ebda investigazzjoni għax kien biss vittma ta’ allegazzjonijiet foloz. ‘Jiena ma ksirt ebda liġi, jiena ma kkommettejt ebda abbuż, ebda illegalità, jien ma kont involut fl-ebda ħasil ta’ flus. Il-verità issa ħarġet. Iż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma.’
“Ir-referenza kienet għal allegazzjonijiet foloz li nħarġu fil-konfront tiegħu rigward ‘ħasil ta’ flus’ b’konnessjoni ma’ proprjetà f’Londra (Soho) li hu dejjem saħaq li l-involviment tiegħu f’din l-istorja kien biss kif kellu d-dritt jagħmel fil-professjoni tiegħu ta’ avukat. Hu qal li kien ilu snin jitlob li jingħata aġġornament dwar fiex waslet l-investigazzjoni dwar dan il-każ biex hu jkun jista’ jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu.
“F’messaġġ fuq il-midja soċjali Adrian Delia kompla jgħid li issa jittama li min uża dawn l-allegazzjonijiet, minkejja li kien jaf li huma foloz, min ipprova jigdeb fuqu bil-għan li jċekken ir-reputazzjoni tiegħu, illum il-ġurnata għall-inqas jirrikonoxxi dak il-ħażin. ‘Ma nistgħux nibqgħu f’dan il-pajjiż l-ewwel inħammġu n-nies, inkissru l-familji, u mbagħad snin wara jkollna xi tip ta’ ġustizzja. Jien dejjem emmint li għandi l-ikbar għodda – il-verità, għax il-verità jekk mhux illum għada, toħroġ fid-dieher u ż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma.’
Dwar l-istess każ ikkummenta wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li qal li ‘dak li rajna llum dwar Adrian Delia jikkonferma li l-verità ma jħassarha ħadd. L-akkużi kontrih, li kull tant żmien jitqajmu, ma kienu xejn għajr eżerċizzju fieragħ…’
Dak huwa sostanzjalment x’ingħad fir-rapport tal-ġurnal Nazzjonalista. Ingħad biżżejjed biex isiru diversi mistoqsijiet u rimarki. Ma tistax ma tirreferix għall-parti tar-rapport li tgħid: Adrian Delia kompla jgħid li issa jittama li min uża dawn l-allegazzjonijiet, minkejja li kien jaf li huma foloz, min ipprova jigdeb fuqu bil-għan li jċekken ir-reputazzjoni tiegħu, illum il-ġurnata jirrikonoxxi dak il-ħażin.
U dan iwassalni għat-titlu tal-kummentarju: STEDINA LIL ADRIAN DELIA.
La darba Adrian Delia żamm lura milli jgħid min, skont hu, uża dawn l-allegazzjonijiet, mhux aħjar jgħidilna għal min qed jirreferi? Nistaqsi din il-mistoqsija sempliċi għax fost dak li hu magħruf dwar il-każ, hemm Running Commentary ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet tellgħet fis-16 ta’ Settembru 2017, lejlet l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap Nazzjonalista flok Dr Simon Busuttil, li kien irriżenja wara disfatta elettorali oħra għall-Partit Nazzjonalista, li kien jgħid hekk: This was at the same time that Delia was laundering £1.4 million from a London prostitution racket through his bank account at Barclays International in Jersey, for his client (hawn jissemmew l-ismijiet ta’ żewġ aħwa) who worked for him – and now pretends to have known nothing about it.
Adrian Delia kien rebaħ dik l-elezzjoni u sar Kap tal-Partit Nazzjonalista. Rebaħha minkejja, u dan huwa fatt magħruf, li kontra r-rieda tal-Kap preċedenti Simon Busuttil, li saħansitra kien għamilha pubblika li stieden lil Adrian Delia biex ma jikkontestax għal dik il-kariga. Abbażi ta’ x’hiex Simon Busuttil kien għamel tali stedina? Fuq liema kriterji deherlu li għandu jipprova jinfluwenza lid-delegati tal-Partit Nazzjonalista biex ma jivvutawx għal Adrian Delia?
Sadattant, int li qed taqra, taf bħali u daqsi dwar il-martirju li għaddew minnu lil Adrian Delia dawk li akkost ta’ kollox ma rieduhx Kap tal-Partit Nazzjonalista. Taf bħali u daqsi li Adrian Delia kien iddeskrieva lil Daphne Caruana Galizia, abbażi ta’ dak li kienet kitbet dwaru, bħala ‘biċċa blogger’. Taf bħali u daqsi li kienu instigaw li jkun hemm falliment fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Indipendenza taħt Adrian Delia, kif fil-fatt kien hemm. Taf bħali u daqsi li abbażi ta’ dan kollu tfaqqas il-famuż grupp ta’ Deputati Nazzjonalisti bil-laqam ta’ ‘Blue Heroes’ li saħansitra riedu jinvolvu lill-President tar-Repubblika ta’ allura l-ET George Vella biex Adrian Delia jittajjar minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Taf bħali u daqsi li finalment Adrian Delia kellu jċedi u rriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Ottubru 2020. Taf bħali u daqsi bix-xenata li kienet għamlitlu lil Delia oħt Daphne Caruana Galizia meta s-sena ta’ wara, allura bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, mar ipoġġi kuruna quddiem ir-ritratti ta’ oħtha f’riġlejn il-Monument tal-Assedju l-Kbir. Taf bħali u daqsi li ftit minuti wara li tpoġġiet il-kuruna u Adrian Delia u sħabu telqu minn fuq il-post, oħt Daphne qattgħet il-kuruna biċċiet u rmiethom mal-art.
U l-Kap Nazzjonalista attwali Alex Borg x’se jagħmel wara li ddeskrieva l-akkużi kontra Adrian Delia bħala li ‘ma kienu xejn għajr eżerċizzju fieragħ’? Se jiddisassoċja ruħu minnhom? Se jikkundanna lil dawk li skont hu kienu wara dak l-eżerċizzju fieragħ?
Nistennew u naraw.

