L-aħbar riċenti li l-kumpanija Carlo Cavazzi se titlaq minn Malta wara snin sostanzjalment twal fostna ħasdet lil bosta. Diversi kienu dawk li kkummentaw dwar dan, fosthom l-Avukat John Attard Montalto, eks-Ministru għall-Industrija fil-Gvern Laburista ta’ Dr Alfred Sant tal-1996. F’ittra pubblikata fil-ġurnal ‘Times of Malta’ tat-Tlieta, 16 ta’ Settembru 2025, l-Avukat Attard Montalto, fost affarijiet oħra, jgħid hekk:
“It-traġedja ta’ Carlo Gavazzi mhix biss ir-rilokazzjoni u s-sensji imma l-motivazzjonijiet dikjarati: m’għadnix aktar ‘low cost’ (ilna mhux ‘low cost għal kważi 50 sena), il-bżonn ta’ konsolidazzjoni, nuqqas ta’ ħaddiema lokali tas-sengħa, taxxa inferjuri u benefiċċji oħrajn.
“X’hemm ġdid? Dawn huma affarijiet kważi identiċi għal dawk li ffaċċjajt jien fl-1996 meta ġejt appuntat Ministru għall-Industrija.
“Bilkemm kont għadni saħħant is-siġġu proverbjali ta’ ministru meta ġejt infurmat b’bomba: 6,000 ħaddiem, iva, 6,000, kienu se jingħataw is-sensja. ST Microelectronics, Brandstater u Dowty O-rings kienu ddeċidew li jirrilokaw. L-akbar tliet employers u l-akbar tliet esportaturi kienu se jitilqu minn Malta.
“Koinċidenza? Jien ma nemminx f’koinċidenzi. Kienet kriżi industrijali li kienet twassal għal kriżi nazzjonali.
“Kienet l-intenzjoni li immedjatament ikun distabilizzat Gvern elett demokratikament? Kienet ripetizzjoni tal-1958?
“Imsaħħaħ bil-fiduċja sħiħa tal-Prim Ministru tiegħi, Alfred Sant u l-għajnuna bla qies tas-CEO ġdid tiegħi fil-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, Mario Vella, kont determinat li nibdel dak li deher li ma setax jinbidel.
“Kien irnexxieli nsib dik li probabbilment kienet ir-raġuni vera li pprovokat din il-kriżi.
“Kont heddidt li nesponi dan jekk id-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni ma tkunx ikkunsidrata mill-ġdid serjament.
“Kemm Malta kif ukoll ‘il hinn minnha rrikorrejt għal persważjoni, azzjoni affirmattiva, modi innovattivi, leġiżlazzjoni mmirata lejn kull ħaġa li tiġġustifika rilokazzjoni. Irrispondejt b’soluzzjonijiet maħsubin apposta. L-isforz triangulari tagħna dawwar l-istorja.”
L-Avukat Attard Montalto ma waqafx hemm. Kompla mbagħad jesponi ħsibijietu. Jien waqaft hawn nikkwota għax mixtieq nenfasizza fuq żewġ paragrafi partikolari. Nirrepetihom:
“Kien irnexxieli nsib dik li probabbilment kienet ir-raġuni vera li pprovokat din il-kriżi.
“Kont heddidt li nesponi dan jekk id-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni ma tkunx ikkunsidrata mill-ġdid serjament.”
Bħall-Avukat John Attard Montalto jien ma nemminx f’koinċidenzi ta’ dik ix-xorta u allura sinċerament nistieden lill-Avukat Attard Montalto jgħidilna x’kienet dik li hu sejjaħ dik li probabbilment kienet ir-raġuni vera li pprovokat din il-kriżi.? Sinċerament nistiednu jgħidilna min kien il-moħħ wara dik il-manuvra. Dan mhux b’sens ta’ kurżità iżda b’rispett lejn l-istorja ta’ pajjiżna. B’rispett lejn il-Partit Laburista.
In-nannu Grezzju Manxela kien jgħidli: Frans, il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun.