Tottenham Hotspur qed jippreparaw biex joffru lid-difensur ċentrali ta’ Inter, Stefan de Vrij, kuntratt ta’ erba’ snin sabiex jingħaqad ma’ Spurs matul it-tieqa tat-trasferimenti tas-sajf.
Il-player ta’ 30 sena, li qatta’ żewġ staġuni jilgħab taħt il-gwida tal-manager ta’ Spurs Antonio Conte ma’ Inter, reġa’ kien player importanti għaċ-champions Taljani f’dan l-istaġun, fejn lagħab 29 partita fil-kompetizzjonijiet kollha.
De Vrij daħal fl-aħħar 18-il xahar tal-kuntratt tiegħu f’San Siro, madankollu, u huwa mifhum li n-Nerazzurri huma lesti li jbigħuh dan is-sajf bi ħlas ta’ madwar €25m.
Spurs qed iħejju biex ipoġġu fuq il-mejda ftehim ta’ erba’ snin għall-internazzjonali Olandiż, li jkun jiswa madwar €6.5m kull staġun.
De Vrij għamel 153 dehra ma’ Inter minn meta ngħaqad mal-club mingħand Lazio fl-2018, skorja tmien goals u pprovda sitt assists, rebaħ is-Serie A u s-Super Cup Taljana.
Tottenham jingħad ukoll li huma ħerqana li jiffirmaw lid-difensur ta’ Southampton Tino Livramento matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf, b’Conte se jibqa’ fit-tmun tal-club minkejja l-ispekulazzjonijiet riċenti.