Wednesday, April 24, 2024

Stefano Fava… b’unur iġorr il-bandiera Maltija fil-Montenegro fil-waterpolo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo ġiet b’mod na­turali. Sa minn etá żgħira, dejjem kont inqatta’ s-sjuf tiegħi l-baħar u l-pitch ta’ Birżebbuġa, allura kienet biss kwistjoni ta’ ħin sa­kemm ikkommettejt ruħi għal din il-passjoni.

Missieri kellu influwenza kbira fl-għażla ta’ dan l-isport u ninsab grat li    ggwidani f’din it-triq.

Huwa ex-player ta’ Birzebbugia ASC ukoll (fost clubs oħra), u għaldaqstant minn dejjem kienet xewqa tiegħi biex nimxi fuq il-passi tal-karriera tiegħu, u nikteb l-istorja tiegħi ma’ dan it-team.

Filwaqt li l-passjoni tiegħi lejn l-isport baqgħet tikber, bqajt naħdem biex dejjem intejjeb l-abbiltà u l-ħiliet tiegħi, u kien ta’ sodisfazzjon kbir li kelli l-opportunitá nilgħab u niskorja għar-raħal li trabbejt fih.

X’tikkummenta fuq ir-ri­żorsi (pixxina) li fihom tit­trenjaw u tilagħbu f’Malta?

Ovvjament, fil-preżent aħna limitati ħafna. Dejjem nibqa’ nsostni li d-differenza bejn il-livell lokali għal dak internazzjonali hija biss il-volum u l-konsistenza tat-taħriġ. 

Bla dubju, meta għandek pixxina waħda li trid tissodisfa 11-il club, l-age groups rispettivi, u l-isport akwatiku individwali, dan m’huwiex possibbli.

Grazzi għax-xogħol ta’ SportMalta u l-clubs infushom, din tidher li se tkun problema tal-passat.

Dan ghaliex, kif jixraq, fis-snin li ġejjin, kważi kull club se jkollu l-pixxina tie­għu, apparti r-rinovazzjoni tal-Cottonera Sports Complex. 

B’dawn l-investimenti, kull club se jgawdi minn libertà totali fit-taħriġ tie­għu, u l-coaches ikunu jistgħu jolqtu kull aspett tal- logħba.

Atleti professjonali jit­trenjaw maż-żewġ jew tliet sessjoninjet kuljum – ses­sjoni ddedikata għall-gym, oħra għall-għawm biss u finalment waterpolo. Biex isir dan, ma tridx tkun limi­tat b’ħin u spazju. Imbagħad hija biss kwistjoni ta’ impenn u ambizzjoni individwali.

X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun player tal-waterpolo?

Bħalma kulħadd jaf, jiena kkommettejt ruħi għal dan l-isport ta’ età kbira, allura s-sagrificcji kellhom ikunu kbar biex nirkupra t-taħriġ li tlift fi tfuliti. Apparti t-taħriġ mal-club darba/darbtejn kuljum, niffoka ħafna fuq id-dieta u n-nutrizzjoni personali, apparti t-taħriġ li nagħmel fil-gym biex nikber fiżikament.

Nemmen li kulħadd jie­ħu dak li ħaqqu f’kull aspett tal-ħajja. Jekk bniedem ikun lest jagħmel biss sag­rifiċċju żgħir għall-isport, ma tistax tistenna affarijiet kbar. 

Il-ġisem huwa magna, għalhekk apparti t-taħriġ tal-waterpolo, trid tara li ġismek ikun jinsab f’kun­dizzjoni ottima ta’ wirja, muskoli u piż.

Apparti s-sagrificcji mentali u fiżiċi li nagħmlu, ikollna niċċaħħdu minn ħafna avvenimenti u pjani, speċjalment fis-sajf.

Minħabba li l-kompetizzjoni primarja tagħna tkun fis-sajf, ikolli noqgħod pass lura milli nattendi parties sa tard bil-lejl, ġranet il-baħar u ħin mal-familja, fost oħrajn. Peró, ma jiddispjaċini xejn; dan huwa sempliċiment parti mill-pak­kett li tiġi bih il-ħajja ta’ atleta.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ, l-istudju, ix- xogħol u mal-waterpolo?

Issa li ggradwajt nista’ nwieġeb din il-mistoqsija bi tbissima. Peró, nista’ nassigurak li meta kont qie­għed inlesti d-degree tiegħi l-Università ma kontx qie­għed nitbissem. 

Kien żmien stressanti ħafna għalija personali, għaliex il-mument li tabbanduna l-aspett sportiv biex tiffoka fuq l-edukazzjoni, taqa’ lura, u viċi-versa.

Ġieli kien ikolli ġranet fejn kont immur l-Università fit-8.00 am għall-ew­wel lecture, u nasal lura d-dar fl-10.00 pm, sabiex inlaħħaq nittrenja l-gym u mmur għat-taħriġ il-pixxina. 

Inħoss li għadna lura fl-isforzi tagħna biex ngħi­nu lil studenti atleti. Bil- grazzja t’Alla bqajt konsistenti, u fil-ħarifa tal- 2020, akkwistajt il-Baċċellerat tiegħi fil-Kummerċ, fejn studjajt fuq Accounting u Banking & Finance.

Matul is-sena li għad­diet bdejt il-work experience tiegħi fil-qasam finanzjarju, għaliex ‘il quddiem nimmira li nerġa’ nattendi l-Università biex nagħmel MBA (Master’s degree in Business Administration).

Kulma nista’ nagħmel huwa nispera li sakemm jerġa’ jasal il-waqt, is-sitwazzjoni tkun inqalbet għal waħda iktar favorevoli.

Kif tiddeskrivi l-aħħar staġun tiegħek ma’ Birżebbuġa kemm għalik personali u anke bħala team? 

Kemm fuq nota individwali u anke bħala team, is-sajf tal-2021 kien wieħed pożittiv. 

Individwalment, kbirt aktar fil-logħba u saħansitra anke skorjajt l-ewwel goals tiegħi fil-Kampjonat Premier. Tgħallimt nifhem u nieħu deċiżjonijiet aħjar fir-ritmu mgħaġġel bħalma huwa dak tal-ogħla livell lokali.

Bħala team, bdejna b’saħ­ħitna ħafna fejn ksibna rebħiet importanti kontra Valletta u Marsaskala, li għenu biex nissodaw postna fir-raba’ post tal-klassifika. 

Peró, sfortunatament, min­ħabba problemi ta’ injuries, it-tieni round kien diffiċli ħafna għalina, u finalment spiċċajna naqsmu r-raba’ post ma’ dawn iż-żewġ timijiet.

Kif qed tħossok fl-esperjenza l-ġdida tiegħek lil hinn minn xtutna ma’ VK Budva fil-Montenegro?

L-ewwelnett nixtieq nie­ħu din l-opportunitá biex nirringrazzja lil kull min stinka biex din l-esperjenza tkun possibbli. 

Bla dubju, jien ninsab eċċitat ħafna għal diversi raġunijiet. L-ewwelnett qed nattendi għat-taħriġ ma’ players professjonali, speċifikament f’pajjiż rispettat bħalma hu l-Montenegro f’dan l-isport. 

Nemmen li din se tkun esperjenza imprezzabbli għall-iżvilupp ħolistiku tal- karriera personali tiegħi.

Apparti minn hekk ninsab kemmxejn eċċitat ukoll għaliex din hija l-ewwel esperjenza tiegħi lil hinn minn pajjizna kif ukoll li ngħix waħdi. Peró, mhux qed ngħixha b’biżá, iżda bħala esperjenza li qed timmaturani minn dan l-aspett ukoll.

Tixtieq u tqis li fil-futur tissejjaħ mill-coach Karl Izzo biex imbagħad tifforma parti mit-team nazzjonali Malti?

Nemmen li l-ogħla unur ta’ kwalunkwe atleta huwa li jirrapreżenta u jġorr lil pajjiżu fuq dahru. Hija l-ħolma kif ukoll il-pjan tiegħi li ‘l quddiem inkun involut fis-sessjonijiet u fis-selezzjoni Maltija immexxija mill-coach Izzo.

Meta tara u tevalwa s-suċċess li qiegħed jikseb it-team nazzjonali fil-waterpolo, ma tistax ma tixtieqx li tkun parti mill-kitba tal-istorja ta’ pajjiżna.

Kif għidt qabel, kulħadd jieħu l-frott tal-ambizzjoni tiegħu sforz tas-sagrifiċċji li jkunu saru matul is-snin. U sakemm jippermettili ġismi, nippjana li nibqa’ ffukat u determinat kif jien, jekk mhux aktar.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ success fil-waterpolo?

Tabbandunawx lil Alla u tabbandunawx lill-familja. Inħares lura llum il-ġurnata nirrealizza li mingħajr dawn iż-żewġ pedamenti f’ħajti, xejn ma hu possibbli. 

Kuljum inrodd ħajr lil Alla tas-saħħa fiżika li jipprovdili u qatt ma neħodha for granted. MingħajrU u mingħajr is-sapport ta’ familti, kieku llum mhux qiegħed hawn nagħmel din l-intervista!

Minkejja li xi drabi ma jaqblux ma’ kull decizjoni li nieħu, dejjem insibhom hemm biex jimbuttawni lejn l-għanijiet sportivi tiegħi. 

Huwa sempliċiment minħabba dan is-sapport qawwi  u fidi li nkun kapaċi nagħmel is-sagrifiċċji li dejjem nagħ­mel!

1 kumment

  1. Xi ġmiel ta intervista b'mistoqsijiet ċari u risposti tassew inteleġenti minn żaghżugh b'birżebbuġan. Prosit u j'alla jkun hawn aktar żaghżagh jithajjru ghal esperjenza bhal din.

    Xi ġmiel ta intervista b’mistoqsijiet ċari u risposti intelleġenti ta żaghżugh birżebbuġan. J’alla l quddiem ikun hawn aktar żaghżagh li jithajjru biex jaghmlu din l esperjenza.

Comments are closed.

Sport