Monday, December 23, 2024

Stefano Sanderra jqabbel il-futbol Malti mas-Seria C fl-Italja iżda jinnota titjib fil-livell

Intervista mal-coach li mexxa lil Hibernians għar-rebħ tal-Premier League

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Kien missieri li nissilli din l-imħabba lejn dan l-isport tant affaxxinanti. Kull fejn kien imur kien jeħodni miegħu u d-dar konna nitkellmu kważi dejjem fuq il-football. 

Aktar tard huwa kien ukoll il-president ta’ club minn Ruma bl-isem ta’ Tre Fontane. Il-ground fejn kienu jitħarrġu l-players jin­sab ferm viċin id-dar fejn għadhom joqogħdu s’issa ommi u missieri u minn hemm tista’ tgħid li bdejt ninvolvi ruħi iktar fejn għandu x’jaqsam f’din il- logħba tal-football. 

X’tiftakar meta kont til­għab bħala player tal-football?

Niftakar li ma tantx domt nilgħab ħafna football min­ħabba li iktar kont mixħut bħala coach. 

Iddeċidejt li ndendel iż- żarbun tal-football kmieni lejn l-aħħar tal-għoxrinijiet.

Għalkemm xorta kont nilgħab football 5-a-side, ta’ 28 sena bdejt inħarreġ team taż-żgħażagħ minn Aquila fir-reġjun ta’ Abruzzo. 

Niftakar li kont ferm għal qalbi fi rwol ta’ coach u aktar m’għadda ż-żmien aktar bdejt niżviluppa l-ħiliet tie­għi. 

F’dan il-club ta’ Aquila kien hemm ukoll ħija u flim­kien konna mmexxu dan it-team b’tant dedikaz­zjoni. Kienu żminijiet verament sbieħ li għaddejna minnhom u li ħadt ħafna esperjenza.

X’differenza tara bejn li tkun player u li tkun coach?

Hemm differenza kbira bejn dawn iż-żewġ rwoli. Meta tkun player, int xogħ­lok hu li titħarreġ dejjem, iżżomm ruħek fiżikament tajjeb u li tilgħab il-logħba tipika tiegħek.

Meta tkun coach, l-affa­rijiet huma ferm differenti. Jien ngħid li int coach għal 24 siegħa fil-ġurnata għax ir-responsabbiltá li jkollok hi waħda kbira. 

Trid tfittex is-soluzzjoni għal dak li jinqala’ u waqt il-logħba trid tieħu deċiżjonijiet ta’ malajr sabiex jekk tkun qed titlef, tkun kapaċi ddawwar il-logħba.Finalment għandek grupp ta’ players b’karattru diffe­renti u li int trid tgħaqqadhom bħala team.

Jien inħoss li r-rwol ta’ coach hu vokazzjoni u li tkun ġo fik.

Tista’ tagħtina d-dettalji dwar it-timijiet li kkowċjajt qabel ma bdejt din il-kariga f’Malta?

Ilni nikkowċja mis-sena 1997, jiġifieri, 25 sena. Kif għedtlek bdejt ma’ Aquila għalkemm matul il-karriera tiegħi kelli esperjenzi wkoll ma’ Isernia, Potenza, Frosinone, Tivoli, Cosenza, Mes­sina U19, Gela, Barletta, Cassino, Latina, Salernitana, Catanzaro, Viterbese, Sambenedettese u Racing Fondi, f’dik l-ordni. 

Madankollu naħseb l-iktar mument li niftakar matul din il-karriera tiegħi kien proprju meta kkow­ċ­jajt lil Latina Calcio min­ħabba li rnexxielna niksbu promozzjonijiet konsekuttivi minn Serie C2 għal Serie C1 għal Serie B. 

Minkejja kollox il-president Claudio Lotito riedni mmur ma’ Salernitana u għalhekk ma kellix iċ-ċans immexxi lit-team fis-Serie B.

Semmejt lill-president ta’ Lazio, Claudio Lotito. Kemm tafu personali lil dan il-bnie­dem?

Claudio Lotito huwa ra­ġel li għandi rispett kbir lejh. Ilni nafu u għadni sal-lum il-ġurnata nkellmu. Hu xtaqni mmur nikkowċja lil Salernitana peress li kellu lil dan it-team taħt idejh u jien ma ridtx immur kontra r-rieda tiegħu.

Kif ġejt tikkowċja f’Malta?

L-ewwel u qabel kollox, kelli x-xewqa li jkolli l-ewwel esperjenza tiegħi barra minn Malta. 

L-affarijiet ma tantx kie­nu daqshekk ikkumplikati minħabba li player li kelli ma’ Latina Calcio, Andrei Agius, mexxa l-kuntatt tie­għi mad-diriġenti ta’ Hibernians FC u minn hemm beda dan il-ftehim sabiex ġejt immexxi lit-team.

Ġejt fil-Gżejjer Maltin b’entużjażmu kbir u kont lest sabiex nagħti l-aqwa tiegħi u b’xorti tajba rnexxieli nagħ­mel dan.

Għalik personali, dan kien l-ewwel rebħ ta’ kampjonat ma’ Hibernians. X’ifis­ser għalik dan kollu?

Dan il-kampjonat ifisser ħafna għal dak kollu li għamilna matul dawn is- sentejn. 

Is-sena l-oħra konna żvinturati li l-istaġun waqaf f’Marzu minħabba l-Co­vid-19 u għalhekk ma staj­niex nagħtu l-isfida tagħna lil Hamrun Spartans sal-aħħar. Din is-sena riedna akkost ta’ kollox nirbħu dan il-kampjonat li jien ngħid kien wieħed ferm meritat.

Huwa kampjonat li niddedikah għall-familja Bezzina li tant tirsisti għal dan il-club, għall-partitarji akkaniti tagħna, għall-grupp ta’ players eċċezzjonali u anke għall-kumitat li rsista ħafna sabiex wasal dan is-suċċess.

Bħalma jgħidu dak li tiżra taħsad u hekk ġara. Ninsab grat ħafna għall-club ta’ Hibernians.

Kif tiġġudika l-livell tal- football Malti?

Jien narah il-livell tas-serie C fl-Italja. Qed nara iżda li l-football Malti żdied ħafna fil-livell u hemm taħlita ta’ plejers żgħażagħ Maltin u anke players stabbiliti barranin li qed jagħmlu l- logħob ferm aktar attraenti.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-grounds fejn jintlagħbu l-logħob tal-ogħla kampjonat Malti?

Bla dubju li t-Tony Bezzina Stadium hi struttura ve­rament sabiħa li tieħu gost tkun fiha. 

Hu wieħed mill-aqwa fa­ċilitajiet bħala club li hawn fil-gżejjer Maltin. Nemmen li aktar clubs jistgħu jinvestu sabiex ikollhom il-faċi­litá tagħhom. 

X’taħseb dwar il-livell tar-referees li jikkontrollaw il-logħob tal-kampjonat Pre­mier?

Ngħid il-veritá ma dej­jaqnix il-kontroll tar-refe­rees matul dan l-istaġun. Jien anzi rajt li kien hemm progress kbir u l-livell qed ikompli jiżdied u din hi xi ħaġa tajba.

X’taħseb dwar l-esperjenza tagħkom fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej?

Aħna se nerġgħu nippruvaw li naqtgħu figura tajba. Sfortunatament fil-bidu ta’ dan l-istaġun fil-logħba kontra Riga ġejna ppenalizzati b’deċiżjonijiet kontroversjali mir-referee għax nemmen li stajna navvanzaw aktar fil-kompetiz­zjo­nijiet Ewropej. 

Se nagħtu l-aqwa tagħna sabiex immorru tajjeb.

X’inhu l-futur tiegħek ma’ Hibernians?

Jien se jiskadili l-kuntratt fl-aħħar ta’ dan l-istaġun u wara li jgħaddi kollox, se jkolli dak il-perjodu ta’ riflessjoni x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem.

Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ lill-partitarji numerużi ta’ Hibernians.

Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom talli ġew jarawna f’ħafna mil-logħbiet li t-team kien involut fihom kemm fil-Kampjonat BOV Premier kif ukoll fl-Izibet FA Trophy. 

Huma ġew dejjem jagħtu s-sapport tagħhom lill-players u kollha kemm aħna napprezzaw dak kollu li għamlu għalina. 

Kienet okkażjoni sabiħa, is-Sibt 7 ta’ Mejju meta ġew bi ħġarhom fil-pjazza sabiħa ta’ Raħal Ġdid jifirħu bil-kbir għal dan is-suċċess.

Kont impressjonat b’dan kollu anke fil-mument meta dħalna fil-knisja u ħadna t-tazza hemmhekk. 

Ċertament li qalbi se tib­qa’ marbuta ħafna ma’ Raħal Ġdid minħabba li  hawn nies verament dħulin u jgħinuk bl-aħjar mod li jistgħu!

Ekonomija

Sport