Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn mindu kelli ħames snin. Ġejt imrobbi f’ ambjent sportiv fejn konna naraw ħafna partiti tal-futbol. Apparti minn hekk, kont immur nara lil ħija jilgħab ma’ Sliema Wanderers u kien hu li kkonvinċieni biex nibda dan l-isport. Mill-ewwel sessjoni ta’ taħriġ tiegħi li kienet ma’ Sliema Wanderers, ħassejt imħabba kbira lejn il-futbol. Il-futbol kien mod kif stajt nesprimi ruħi, u dik il-passjoni kienet dejjem tiżdied. Dejjem ħassejt li l-futbol kien aktar minn sport għalija.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Melita FC sa issa fil-Malta Premier?
Wara li rbaħna l-BOV Challenge League s-sena l-oħra, konna nafu li konna deħlin għal staġun difficli fil-Malta Premier. Il-livell tal-Malta Premier huwa għoli u impreveddibli. Kellna bidu tajjeb ħafna fejn ksibna l-punti mat-timijiet li qegħdin fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Qabel ma nqsamna fiż-żewg gruppi ta’ top u bottom 6, kellna mumenti ta inkonsistenza fejn tlifna ħafna punti li spiċċaw tellfulna post mal-ewwel sitta. Għalkemm kien staġun ta’ sfidi u ta’ addattament xorta rnexxielna nevitaw l-aħħar żewg postijiet fl-ewwel fażi. It-tieni fażi tirrifletti eżatt l- ewwel fażi, wara li rbaħna lil Floriana u Hamrun Spartans u ġibna r-riżultati ma’ Gzira United u Birkirkara, tlifna l-punti fil-kontronti diretti. Aħna stennejna li kien ħa jkun staġun diffiċli peró nemmen li għamilna biċċa xogħol kbira għax tajna sfida lill kull tim u bil-punti li ksibna jippermettu li nibqgħu niġġieldu sal-aħħar biex inżommu postna fil-Malta Premier.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Clive Mizzi?
Il-kowċ Clive Mizzi huwa l-aktar persuna li għandi nirringrazzja għax emmen fijja meta kont għaddej min perjodu kalċistiku diffiċli. Wara li fl-istaġun preċedenti kont ġejt relegat għall-Amateur League 1 ma’ Mqabba FC, huwa wera fiduċja kbira fija biex inkun parti mill-proġett ambizzjuż ta’ Melita FC, fejn dik is-sena spiċċajna ksibna l-promożżjoni għall-Malta Premier. Huwa kowċ b’esperjenza kbira fil-futbol Malti, dejjem jippretendi l-massimu mill-plejers tiegħu u b’hekk huwa vantaġġ għal tim bħal Melita FC li għandu ħafna plejers ta’ etá żgħira. Minkejja li għaddejna minn perjodi diffiċli, xorta baqa’ jimmotiva l-iskwadra b’ħafna pożittivitá u baqa’ dejjem jemmen fina li fl-aħħar nistgħu nilħqu t-tragward tagħna.
U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Michael Naudi?
Il-kumitat ta’ Melita FC flimkien mal-president Matthew Naudi kienu essenzjali fit- trasferiment tiegħi ma’ Melita għax huma investew fija u ħassew li stajt nintegra tajjeb mal-iskwadra. F’dawn is-sentejn li qattajt ma’ Melita rajt kumitat li jaħdem bilgħaqal u li jkomplu juru fiduċja fil-plejers ‘homegrown’. L-għaqal tal-klabb juri ħafna fin-nursery għax hemm numru kbir ta’ tfal u ħafna plejers promettenti.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward tagħna għal dan l-istaġun huwa li nistabbilixxu ruħna fil-Malta Premier, u nibnu sisien importanti għas-snin li ġejjin. Nemmen li bl-iskwadra li għandna nistgħu nilħqu dan it-tragward.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jiena persuna li nimxi ġurnata b’ġurnata, għax il-futbol urieni li huwa sport mimli sorpriżi fejn qatt ma tkun taf x’opportunitajiet se jiġu. Għandi aspettattivi li nixtieq nilħaq fil-karriera tiegħi, fosthom li nistabilixxi ruħi fil-Malta Premier u nħabbat il- bieb tat-tim nazzjonali Malti. Bħalissa, il-futur tiegħi huwa Melita FC u ninsab ħerqan għas-snin li ġejjin.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Messaġġ ewlieni li nixtieq naqsam huwa li trid tagħmel ħafna sagrifiċċji u żżommu bħala prijoritá f’ħajtek għax il-futbol huwa sport li jista’ jagħtik sodisfazzjonijiet kbar. Madankollu, ma trid taqta’ qalbek qatt għax kull ostaklu li ssib huwa pass eqreb lejn is-suċċess. Kemm-il darba ħassejtni viċin li naqta’ qalbi peró sibt is-saħħa u l-konvinzjoni li nibqa’ niġri wara l-ħolma tiegħi, u ma jiddispjaċini xejn!