Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Jean Paul Busuttil fil-Bidnija. Mohamed Hamdan ta’ 46 sena, li huwa ta’ nazzjonalità Libjana imma mwieled is-Sirja u jgħix il-Bidnija, qed jiġi mixli b’diversi akkużi fosthom il-qtil ta’ Busuttil. Hamdan qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Colombo Zahra, irriżulta li uffiċjal tal-LESA kien stqarr mal-pulizija li sema’ lill-akkużat jgħid lill-vittma “Stennieni, dalwaqt tkun taf min jien. Taħseb li ma nasalx?”, qabel dan telaq minn fuq il-post biex iġib l-arma u wara ftit minuti rritorna lura u allegatament spara fuq il-vittma.
L-Ispettur Zahra beda biex spjega kif nhar id-29 ta’ Ġunju li għadda, Surġent stazzjonat il-Mosta li kien fi triqtu għax-xogħol, kien ra ħabta bumper to bumper fil-Bidnija. Qal li l-vittma kien qed isuq karozza Volvo u Hamdan kellu mutur Yamaha.
Qal li l-ħabta seħħet f’karreġġjata li hi one way qalb l-għelieqi. Spjega li Hamdan deher li kien qed isuq fid-direzzjoni l-ħażina u li jidher li kien inċident żgħir. Kompla jgħid li t-tnejn li huma bdew jargumentaw u kkalmahom u sadanittant ċempel lil LESA biex jibagħtu uffiċjal u mbagħad telaq għal għonq it-triq.
L-Ispettur żied jgħid li fil-karozza kien hemm il-mara u l-kunjata tal-vittma. Qal li għall-ħabta tas-7.30 a.m. daħlet telefonata u talbuhom jintervjenu u ħames minuti wara daħal rapport li kien hemm sparaturi.
Qal li fuq il-post sabu lill-uffiċjal tal-LESA aġitat fil-ġenb tat-triq u wera l-pulizija fejn seħħ il-każ. Hemm sabu lill-akkużat u lil ibnu. Spjega li kien hemm żewġ muturi – tal-akkużat u t’ibnu filwaqt li mal-muturi kien hemm vettura tal-LESA li kienet milquta minn tir u kien hemm xi dmija mal-art. Qal ukoll li Hamdan qal lill-pulizija “iva jien sparajt” u ġie arrestat minnufih.
L-Ispettur kompla jispjega x’qalilhom l-uffiċjal tal-LESA. Dan stqarr mal-pulizija li ħadd minnhom ma ried iressaq, imbagħad Hamdan ressaq il-mutur tiegħu. Qal li l-uffiċjal tal-LESA ried jieħu l-verżjonijiet tagħhom b’mod separat – beda mill-verżjoni ta’ Hamdan. Meta l-uffiċjal tal-LESA sseparahom, Busuttil mar fuqu biex jara x’inhu jiġri. L-uffiċjal tal-LESA spjegalu biex jieħu b’mod separat il-verżjoni u Busuttil insista. Fuq il-post kien diġà wasal it-tifel tal-imputat u daħal fin-nofs.
Spjega li l-affari eskalat. L-uffiċjal tal-LESA qal li sema’ lil Hamdan jgħid lil Busuttil “Stennieni, dalwaqt tkun taf min jien. Taħseb li ma nasalx jien?” u telaq minn fuq il-post.
Sadanitant, l-uffiċjal tal-LESA beda r-rapport. Tlieta jew erba’ minuti wara Hamdan mar lura bil-mutur u lill-uffiċjal qallu “warrab” u allegatament spara lejn Busuttil.
L-Ispettur spjega li tal-LESA qallu li ra lil Busuttil iżomm għonqu u beża’ għax ħaseb li hu kien imiss, u ġera għan-naħa l-oħra. Tal-LESA qal lill-pulizija li ħin minnhom ra lil Hamdan jimxi lejn il-qasab u jerġa’ lura. Qal li ssuspettaw li seta’ rema’ l-arma hemm.
Ix-xhud kompla jgħid li fil-karozza kien hemm martu u l-kunjata li tellgħuh fil-karozza u l-mara saqet għall-isptar. Qal li l-mara rat ambulanza u waqqfitha fi Triq Burmarrad. Ir-raġel kien assistit minn tim mediku iżda Jean Paul Busuttil tilef ħajtu għall-ħabta tad-9.13 a.m.
Sadanittant, l-Ispettur Zahra qal li meta kienu staqsew lill-imputat riedx avukat dan qalilhom “l-Avukat tiegħi huwa Alla”. Qal ukoll li huwa kkonfermalhom kemm-il darba li kien hu li spara lil Busuttil.
Waqt li kien qed jitkellem mal-pulizija, l-Ispettur spjega li, dan qalilhom “Min ħaseb li hu dan? Ħaseb li ħa jgħaddi minn fuq kulħadd? Urejtu min ħa jgħaddi fuq min.” L-Ispettur qal ukoll li li l-pulizija kienet inkwetata dwar l-arma għax kien għad fiha l-bullets fiha. Iżda l-imputat ma riedx jgħidilhom fejnha.
Il-Prosekuzzjoni qalet li waqt li t-tnejn li huma jgħixu qrib, m’hemm ebda indikazzjoni li jafu lil xulxin jew li kellhom xi tip ta’ relazzjoni fil-passat. Qalet li kien ftit xhur ilu li Hamdan mar jikri u jgħix f’dik iż-żona.
Sadanittant, fis-seduta tal-bieraħ xehdet mart il-vittma permezz ta’ videolink. Hija qalet li wara l-ħabta hi u żewġha ħarġu mill-karozza u warajhom kien hemm karozza oħra misjuqa minn pulizija li jgħix il-Bidnija.
Spjegat li l-ħabta kienet żgħira talbitu jagħmel rapport u jibqgħu sejrin iżda l-Pulizija qalilha li jrid jiġi tal-LESA u telaq. Qalet li kif telaq il-Pulizija, Mohamed sar aggressiv u beda jidgħaj. Qalet li wara għoxrin minuta ġie tal-LESA. Qalet li fl-istess ħin wasal raġel ieħor bil-mutur li ċempel Mohamed.
Spjegat li sakemm ġie tal-LESA qagħdu jimxu ’l hemm u ’l hawn jistennew. Qalet li sadanittant, dan ir-raġel li ġie mar jgħid lill-warden biex joqgħod attent għax l-imputat kien irrabjat.
Kompliet tgħid li l-imputat kien qabad il-mutur ta’ dak li ġie fuq il-post u telaq. Tgħid li ma tafx minn fejn ġab l-arma imma ġie lura biha. Qalet ukoll li meta telaq żewġha qalilha biex tidħol lura fil-karozza għax ma kienx jafda lil dan il-persuna.
Kompliet tixhed li marret fil-karozza u wara xi ħames minuti ratu ġej. Qalet li mar fuq żewġha u sparalu ħames darbiet. Spjegat li s-sitt tir sparah lejn il-karozza tal-LESA. Hija tgħid li kienet ukoll semgħet lill-akkużat jgħid lil żewġha “nsipera li tmut”.
Il-mara qalet ukoll li kien xokk kbir li tara lil żewġha jmut quddiem għajnejha. Qalet li għadu xokk sal-lum. Il-każ ikompli nhar it-Tnejn.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra, Wayne Camilleri u Sarah Magri.
L-Avukati Edward Gatt, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud qed jidhru għal Hamdan waqt li l-Avukat David Farrugia Sacco deher għall-familjari tal-vittma.