Sunday, November 10, 2024

Steve Bannon mistenni li jixhed quddiem il-Kumitat li qed jinvestiga l-irvellijiet f’Capitol

Aqra wkoll

Steve Bannon – l-eks strateġista politiku tal-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump – qal li huwa jrid li jagħti t-testimonjanza tiegħu dwar l-irvellijiet li kienu seħħew fis-6 ta’ Jannar tal-2021 f’Capitol Hill. Sal-lum Bannon dejjem kien irrifjuta li jikkopera fis-smigħ li qiegħed isir quddiem kumitat li ġie mwaqqaf apposta. 

Skont l-aġenzija tal-aħba­rijiet CBS News, l-ittra bl-avukat li Bannon bagħat lill-Kumitat kienet tgħid li hu “jixtieq, anzi jippreferi, li jagħti t-testimonjanza tie­għu fis-smigħ pubbliku tagħ­kom.” Min-naħa tiegħu, l-eks President Trump qal li din it-testimonjanza se ssir “fl-aqwa interess” għall-poplu Am­e­rikan.

L-imsemmi Kumitat ilu għal kważi sena sħiħa jagħmel investigazzjoni dwar l-invażjoni tal-Kungress minn attivisti ta’ Trump propjru fil-ħin li kienet qiegħda tiġi ċċertifikata r-rebħa Presidenzjali ta’ Joe Biden. 

Bannon ġie msejjaħ diversi drabi biex jagħti testimonjanza dwar l-għarfien tiegħu fuq l-avvenimenti li allegatament wasslu għal din ir-rewwixta – iżda s’issa dej­jem kien naqas milli jaċċetta li jikkopera. Bannon dejjem argumenta li huwa kopert bi “privileġġ eżekuttv”, li huwa prinċipju legali li jipproteġi ħafna mill-komunikazzjoni tal-White House. Iżda meta seħħew l-irvellijiet f’Capitol, Bannon ma kienx konsulent uffiċjali tal-president u għalhekk il-kumitat argumenta li dan il-privileġġ eżekuttiv ma japplikax fil-każ tiegħu. 

It-testimonjanza ta’ Bannon, dejjem jekk issir, tista’ titfa’ dawl ġdid u ċ-ċirku l-iktar intimu ta’ Trump fis-sigħat qabel seħħew l-irvellijiet. Skont dan il-Kumitat, allegatament Bannon kien jaf minn qabel dwar dak li seħħ fis-6 ta’ Jannar.

Sport