Nhar il-Ħadd, 12 ta’ Ottubru 2025, il-football Malti se jsellem lil wieħed mill-aktar players rispettati u passjonati tiegħu – Steve Borg – hekk kif se jingħata tifkira qabel il-logħba internazzjonali kontra Bosnja-Herzegovina.
Għal aktar minn għaxar snin, Steve huwa eżempju xi tfisser li tirrappreżenta lil Malta: impenn, kburija, u tmexxija. Kemm fil-ground kif ukoll barra minnu, kien captain veru — jiggwida, jispira, u jagħti eżempju lil kull player li qasam id-dressing room miegħu.
Steve għamel id-debutt tiegħu ma’ Malta fis-7 ta’ Ottubru 2011, f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2012 kontra l-Latvja fl-Istadium ta’ Skonto Riga. Dak iż-żmien, fl-etá 23 sena, erba’ xhur, u 22 jum, id-difensur promettenti kien qed jilgħab ma’ Valletta FC, taħt il-gwida tal-coach, John Buttigieg.
Dik il-lejla mmarkat il-bidu ta’ vjaġġ mifrux fuq 14-il sena, mimli sfidi, trijonfi, u mumenti indimentikabbli bil-flokk tat-team nazzjonali.
Matul il-karriera tiegħu, Steve Borg lagħab 81 partita internazzjonali, u akkumula ammont impressjonanti ta’ 6,439 minuta fil-ground. Magħruf għas-saħħa, il-kalma, u l-intelliġenza tiegħu fid-difiża, sar kolonna fil-qalba tad-difiża Maltija għal aktar minn għaxar snin.
Iżda l-impatt ta’ Steve mar ferm lil hinn mit-tackles u l-clearances. Il-kwalitajiet ta’ tmexxija tiegħu rawh jilbes il-faxxa ta’ captain tat-tim nazzjonali — rwol li libes bi kburija u dinjità immensa. Kemm fir-rebħ kif ukoll fit-telf, Borg mexxa bl-eżempju, billi rrappreżenta lil Malta b’unur u professjonaliżmu.
Għalkemm primarjament difensur, Steve Borg ħalla wkoll il-marka tiegħu fil-lista tal-iskorers, billi skorja tliet goals internazzjonali — kull wieħed iġorr miegħu storja ta’ kburija:
23 ta’ Marzu 2019 – vs Gżejjer Faroe (77’ penalty) – Stadium Nazzjonali
Kwalifikazzjoni tal-UEFA Euro 2020 – Coach: Ray Farrugia (Club: Valletta)
→ Il-Gowl Nru 242 ta’ Malta fl-istorja internazzjonali
13 ta’ Ottubru 2020 – vs Latvja (96’) – Daugava Stadium, Riga
UEFA Nations League – Coach: Devis Mangia (Club: Gzira United)
→ Il-Gowl Nru 249 ta’ Malta
11 ta’ Novembru 2020 – vs il-Liechtenstein (20’) – Stadium Nazzjonali
Logħba ta’ ħbiberija – Coach: Devis Mangia (Club: Gzira United)
→ Il-Gowl Nru 251 ta’ Malta
Kull wieħed minn dawn il-goals irrifletta d-determinazzjoni u l-ispirtu kumbattiv ta’ Steve — karatteristiċi li ddefinixxew il-karriera kollha tiegħu.
Lil hinn mill-istatistika, il-wirt veru ta’ Steve Borg jinsab fil-karattru tiegħu. Huwa kien mudell għal players iżgħar, ambaxxatur għall-football Malti, u simbolu ta’ dedikazzjoni għall-kawża nazzjonali. L-awtorità kalma tiegħu u s-sens profond ta’ responsabbiltà tiegħu bħala captain għamluh figura maħbuba fost sħabu tat-team u l-partitarji bl-istess mod.
Illum niċċelebraw mhux biss il-kisbiet tiegħu iżda wkoll l-imħabba tiegħu għal-logħba u għal pajjiżu. Il-vjaġġ tiegħu mid-debutt tiegħu f’Riga sal-aħħar tislima tiegħu f’Ta’ Qali jirrakkonta l-istorja ta’ player li ta kollox għall-flokk aħmar.
Mill-ewwel partita fl-2011 sal-aħħar waħda fl-2025, il-kontribut ta’ Steve Borg għall-football Malti kien monumentali.
Lill-captain, il-mexxej, u l-ġentlom tal-logħba — grazzi għad-dedikazzjoni, il-kuraġġ u l-qalb tiegħek!