Minn Cristian Muscat
Steve D’Amato jibqa’ wieħed mill-aktar kowċis stabbiliti u rispettati fil-futbol Malti. B’karriera li bdiet fl-1996 u li llum qed tersaq lejn it-30 sena, D’Amato bena reputazzjoni ta’ kowċ li jaf jaħdem f’kull livell, kemm fil-Premier League kif ukoll fil-Challenge League. Il-100 logħba tiegħu bħala kowċ ta’ Sirens FC huma xhieda ċara ta’ relazzjoni mibnija fuq il-fiduċja, l-istabbiltà u r-rispett reċiproku bejn kowċ, plejers u diriġenti.
“Li tasal għal mitt logħba ma’ klabb hija xi ħaġa ta’ preġju,” jgħid D’Amato f’intervista li tana fil-bidu ta’ din il-ġimgħa. “Tfisser li hemm fiduċja, kemm mill-kumitat kif ukoll mill-plejers. Nixtieq nirringrazzja lill-kumitat kollu ta’ Sirens għall-fiduċja kontinwa li dejjem urewni.”
Din hija t-tieni esperjenza tiegħu ma’ Sirens FC, wara l-ewwel perjodu li beda fis-sajf tal-2019. Dak iż-żmien, D’Amato mexxa lill-klabb għal staġun storiku, fejn temm fir-raba’ post fl-ewwel parteċipazzjoni tiegħu fil-Premier League u kiseb kwalifikazzjoni storika għall-UEFA Europa League. Mument li jibqa’ mnaqqax fil-memorja tiegħu.
“Il-logħba li dejjem se niftakar hi dik fl-Ewropa kontra CSKA Sofia u li ntlagħbet fil-Bulgarija,” ifakkar. “Konna tant viċin li niksbu riżultat. Dak iż-żmien, minħabba l-Covid, il-konfront kien fuq leg wieħed u tlifna 2-1. Minkejja kollox, kienet esperjenza kbira kemm għalija kif ukoll għall-klabb.”
Matul dan l-istaġun, Sirens qed juru l-lat kompetittiv tagħhom fiċ-Challenge League, b’għan ċar u realistiku: post mal-ewwel tmienja. “L-akbar għan tagħna hu li nispiċċaw mal-ewwel tmienja,” jispjega D’Amato. “Hemm diversi timijiet li għandhom l-istess ambizzjoni u jonqos ftit partiti biex jintemm l-ewwel round. Il-klassifika hi bilanċjata ħafna u kull logħba tagħmel differenza.”
Mistoqsi jekk huwiex sodisfatt bil-mod kif it-tim qed jilgħab it-tim tiegħu, D’Amato ma jaħsibhiex darbtejn. “Iva, ħafna. Il-plejers taw qalbhom f’kull partita. Anke meta tlifna, kellna wirjiet tajbin. Dejjem kien hemm konsistenza fil-prestazzjonijiet u s’issa nista’ ngħid li kellna staġun mill-isbaħ.”
Eżempju ċar ta’ dan kienet l-aħħar partita kontra Gudja United, li Sirens tilfuha 1-0. “Kienet logħba bilanċjata ħafna,” jgħid. “Dehret li kienet sejra tispiċċa draw, imma fl-aħħar spiċċajna tlifna. Dawn huma affarijiet li jiġru fil-futbol. Issa nħarsu ’l quddiem.”
Il-konfront li jmiss kontra Fgura huwa wieħed li D’Amato jiddeskrivih bħala delikat.
“Inqis lil Fgura bħala tim kumplikat u challenger serju għall-promozzjoni. Ikollna nkunu konċentrati u organizzati ħafna biex niksbu riżultat pożittiv.”
Meta jitkellem dwar id-differenza bejn il-Challenge League u l-Premier League, D’Amato jagħti perspettiva interessanti. “Illum il-livell tal-Challenge League żdied ħafna. Numru ta’ plejers Maltin stabbiliti niżlu jilagħbu f’dan il-livell, u anke fil-logħbiet tat-trophy rajna riżultati viċin ħafna. Il-klassifika turi kemm hu kampjonat bilanċjat, kważi kulħadd għandu ċans jispiċċa mal-ewwel tmienja.”
Skontu, fattur ieħor importanti huwa l-preżenza ta’ plejers Maltin. “Ħafna plejers Maltin niżlu jilagħbu l-Challenge League minħabba l-limitazzjonijiet fuq il-barranin. Dan għolla l-livell u għamel il-kampjonat aktar kompetittiv.”
Meta jitkellem dwar il-futur tiegħu, D’Amato jagħti stampa ċara ta’ passjoni li għadha ħajja. “Jekk inħares ’il quddiem għaxar snin oħra, nara lili nnifsi għadni nikkowċja sakemm nista’. Bħalissa qiegħed fuq 596 logħba fil-futbol Malti, u fadal erba’ logħbiet biex nasal għal 600. Dan hu tragward ieħor importanti.”
Għall-inqas sa tmiem l-istaġun, il-konċentrazzjoni ta’ Steve Damato tibqa’ fuq Sirens. “Sal-aħħar tal-istaġun jien għad għandi kuntratt ma’ Sirens. Wara, naraw x’jiġri. Il-karriera tal-kowċing hi waħda li trid tibqa’ tħobbha biex tkompli. Il-passjoni hi importanti.”
Interessanti li D’Amato qatt ma kien plejer fuq livell għoli. “Bdejt nikkowċja fl-1996, meta kelli 23 sena. Qatt ma kont plejer professjonali għalkemm kont nilgħab f’livelli iżgħar. Imma l-kowċing dejjem kienet il-passjoni tiegħi.”
Il-mixja twila ta’ Steve D’Amato fil-futbol Malti tagħtih ukoll perspettiva usa’ dwar kif evolva l-isport lokalment matul is-snin. Huwa ra bidliet kbar fl-istrutturi, fil-preparazzjoni tal-plejers u anke fil-mentalità tal-klabbs, u jemmen li llum hemm aktar professjonalità minn qatt qabel. Skontu, il-kowċ tal-lum mhux biss għandu jkun tekniku, iżda wkoll mexxej li jaf jimmaniġġja personalitajiet differenti, pressjoni u aspettattivi dejjem jikbru.
F’dan il-kuntest, ir-relazzjoni tiegħu mal-plejers ta’ Sirens kienet waħda bbażata fuq rispett reċiproku u komunikazzjoni miftuħa, fattur li għen biex jinbena ambjent pożittiv fil-kamra tal-ilbies. D’Amato jenfasizza li l-istabbiltà hija element kruċjali biex klabb jimxi ’l quddiem, u l-fatt li laħaq tragward ta’ mitt logħba huwa wkoll frott ta’ din il-kontinwità.
Huwa jemmen li Sirens għandhom il-potenzjal li jkomplu jikbru jekk il-proġett jinżamm fit-tul u jekk il-plejers jibqgħu jaħdmu bl-istess dedikazzjoni li wrew matul dan l-istaġun. Għalih, is-suċċess ma jitkejjelx biss bir-riżultati immedjati, iżda bil-bażi soda li qed tinbena għall-futur.
Illum, wara kważi 30 sena fil-kowċing, Steve D’Amato jibqa’ figura ċentrali fil-futbol Malti. Il-100 logħba bħala kowċ ta’ Sirens mhumiex biss numru, iżda simbolu ta’ konsistenza, esperjenza u relazzjoni soda ma’ klabb li jemmen fih. U kif juri hu stess, l-istorja se tibqa’ għaddejja.

