Monday, April 29, 2024

Steve Ellul jipproponi bidla fil-liġi biex iktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol

Aqra wkoll

Wasal iż-żmien biex pajjiżna jintroduċi emendi legali li jassiguraw li l-kumpaniji kbar iwettqu l-obbligu tagħhom li jħaddmu persuni b’diżabilità, minflok iduru mal-liġi bi ħlas ta’ kontribuzzjoni li hija baxxa wisq meta mqabbel mas-salarju tal-istess ħaddiem.

Din il-proposta qed issir mill-Kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul bil-għan li aktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jilħqu l-milja tagħhom.

Waqt dibattitu organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, Steve Ellul spjega kif wieħed minn kull ħames persuni li llum jiddependu fuq il-benefiċċju tal-qgħad huma persuni b’diżabilità.

Din is-sitwazzjoni għadha teżisti minkejja liġi li tgħid li kumpaniji ta’ iktar minn 50 ħaddiem ikollhom 2% tal-impjegati tagħhom li jkunu persuni b’diżabilità.

Steve Ellul irrefera għal fatt li din il-liġi tagħti l-possibiltà li kumpanija tħallas kontribuzzjoni b’limitu ta’ €10,000. Ellul ippropona li jitneħħa dan il-limitu u minflok din il-kontribuzzjoni tkun ekwivalenti għall-paga medja ta’ kull ħaddiem li l-kumpaniji obbligati jimpjegaw bil-liġi.

“M’għandniex nibqgħu naċċettaw li ftit imprendituri kbar iduru mal-liġi minflok jaġixxu fuqha”, qal il-kandidat laburista.

Steve Ellul qal li f’Malta teżisti problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u għalhekk l-inqas ħaġa li rridu hija li jkollna nies li jridu jaħdmu u nħalluhom emarġinati barra mid-dinja tax-xogħol.

“Din mhijiex karità. Għandna żgħażagħ b’diżabilità li jistgħu jkunu kontributuri ewlenin flindustrija Maltija”, qal Steve Ellul.

Ellul spjega li anke entitatijet tal-Gvern li jħaddmu aktar minn 50 persuna għandhom jipprovdu l-opportunità ta’ impjieg lill-persuni b’diżabilità.

Il-kandidat laburista sostna li l-bidla fil-liġi għandha ssir b’mod konġunt ma’ programmi ta’ taħriġ – kemm lill-persuna b’diżabilità kif ukoll lil min iħaddem biex ikunu iktar komdi u trankwilli li jagħmlu dan il-pass.

“Din hija l-politika li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Tkun rebħa għal kulħadd”, temm jgħid il-kandidat laburista Steve Ellul.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport