Is-Sur Steve Ellul għadu kemm ġie maħtur bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta b’effett immedjat. Dan wara li Ivan Falzon ta r-riżenja tiegħu li ġiet milqugħa mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett.
Il-Ministru Chris Bonett rringrazzja lil Ivan Falzon għax-xogħol li wettaq fiż-żmien tiegħu bħala Kap tal-Entità filwaqt li awgura lil Steve Ellul għall-irwol il-ġdid tiegħu.
Is-Sur Steve Ellul huwa Analista Finanzjarju u Lecturer fl-Università ta’ Malta. Għal bosta snin okkupa karigi ewlenin fil-Bank of Valletta fejn kien responsabbli għat-tmexxija ta’ investimenti Maltin u barranin inkluż fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Lvant Nofsani.
F’dawn l-aħħar snin kien konsulent fil-qasam tal-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli fejn mexxa ’l quddiem il-kunċett tal-ESG f’Malta. Pass li permezz tiegħu bosta negozji Maltin illum qegħdin jinvestu fl-ambjent u fit-tisħiħ soċjali u korporattiv tagħhom.
Is-Sur Ellul kien inkarigat mit-twaqqif ta’ Project Green u kien l-ewwel Kap Eżekuttiv ta’ din l-aġenzija fejn huwa tellaq proġetti ambjentali b’saħħithom f’San Ġwann u Bormla, kif ukoll tnieda l-Community Greening Grant li qed jara investiment f’16-il lokalità madwar Malta u Għawdex.
B’kollox, taħt it-tmexxija tas-Sur Ellul, Project Green irriġenerat 40,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa fosthom il-Park tal-Familja f’Birżebbuġa, estensjoni ta’ parks f’Ħaż-Żabbar, il-Mosta u Marsaksala kif ukoll ġonna fil-Qrendi, il-Gudja, Ħal Safi u l-Kalkara.