Wednesday, March 11, 2026

Steve Tanti … figura ta’ rispett kbir fil-hockey Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-hockey f’Malta għandu storja ferm interessanti u wieħed mill-ismijiet li spikka tul is-snin f’dan l-isport huwa dak ta’ Steve Tanti. Veteran rispettat fil-qasam tal-field hockey, Tanti għadu sal-lum jilgħab b’mod attiv mal-klabb ta’ Qormi Daikin Hockey Club, fejn jibqa’ figura importanti kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.

Il-karriera tiegħu tkopri kważi erba’ deċennji ta’ dedikazzjoni lejn dan l-isport, filwaqt li għal aktar minn 30 sena kien parti mill-familja ta’ Qormi.

Steve Tanti beda jilgħab il-hockey meta kellu biss 11-il sena. Dak li beda bħala passatemp malajr sar passjoni kbira li baqgħet takkumpanjah tul ħajtu kollha. Illum, wara kważi 40 sena jipprattika dan l-isport, għadu jħoss l-istess entużjażmu li kellu meta kien tifel.

Dan is-sit iltaqa’ ma’ Tanti fejn tana iktar informazzjoni dwar dak kollu li għadda minnu tul dawn is-snin u anke l-istaġun preżenti ma’ Qormi Daikin.

“Il-hockey għalija huwa parti minn ħajti,” qal Tanti. “Ilni mal-klabb ta’ Qormi madwar 30 sena u nista’ ngħid li għalija huwa aktar minn klabb huwa familja.”

Tul il-karriera tiegħu ra l-evoluzzjoni tal-hockey Malti u wkoll tal-klabb tiegħu. Meta kien żagħżugħ, Qormi ma kienx it-tim dominanti li huwa llum.

“Jien lħaqt żmien fejn Qormi ma kienx it-tim li hu llum,” jispjega. “Dak iż-żmien kien hemm timijiet oħra li kienu dominanti ħafna.”

Wieħed mill-aktar perjodi li jiftakar b’mod ċar kien meta t-tim ta’ Rabat Hotsticks Hockey Club kien il-qawwa prinċipali fil-hockey Malti.

“Dak iż-żmien Rabat kienu ‘the team to beat’ kif jgħidu l-Ingliżi. Għal sentejn jew tliet snin konna nħabbtuha magħhom logħba wara l-oħra,” qal Tanti. “Imma mbagħad wasal il-mument fejn ħadna l-kontroll aħna.”

Minn hemm ‘il quddiem, Qormi bdew jibnu perjodu ta’ suċċess li dam diversi snin. Fl-aħħar għaxar snin, il-klabb rebaħ numru kbir ta’ kampjonati u trofej, u stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar timijiet dominanti fil-hockey Malti.

Meta tkellem dwar l-istaġun attwali, Tanti jispjega li t-tim jinsab f’mument pożittiv ħafna. Wara li rebħu l-ewwel trofej tal-istaġun, Qormi qed juru wkoll konsistenza fil-kampjonat.

“Dan l-istaġun jidher li qed inżommu konsistenza tajba. Qed nirbħu kull logħba, iżda għadna fil-bidu u għadna kemm għalaqna l-ewwel round,” qal.

Aspett importanti għalih huwa l-integrazzjoni ta’ plejers żgħażagħ fit-tim.

“Qed jiġu integrati aktar żgħażagħ u qed jingħataw aktar fiduċja. Jixirqilhom għax qed jaħdmu ħafna. Huwa importanti li tagħti opportunità lill-ġenerazzjoni li ġejja.”

Waħda mill-esperjenzi li Tanti jiftakar b’mod partikolari hija l-kampjonat li ntrebaħ matul il-perjodu diffiċli tal-pandemija tal-COVID-19.

“Dak il-kampjonat ma kienx faċli xejn,” jiftakar. “Il-kampjonat waqaf u mbagħad reġa’ beda. Kellna diversi diffikultajiet.”

Minkejja dawn l-isfidi kollha, Qormi xorta rnexxielhom jirbħu l-kampjonat, suċċess li Tanti jqis bħala wieħed mill-aktar sodisfaċenti.

Skont Tanti, is-suċċess ta’ Qormi ma ġiex b’kumbinazzjoni. Huwa r-riżultat ta’ xogħol kollettiv li jinvolvi ħafna nies.

“Dan mhux xogħol ta’ persuna waħda jew tnejn,” qal. “Kulħadd jagħti dak li jista’. Mill-plejers, għall-kowċis, mill-amministrazzjoni sal-partitarji, kulħadd jagħti s-sehem tiegħu.”

Huwa jenfasizza wkoll il-ħidma li ssir fil-livell tan-nursery, li hi kruċjali għall-futur tal-klabb.

“Għandna struttura tajba, faċilitajiet u organizzazzjoni. Imma fuq kollox għandna spirtu ta’ familja. Minn nursery sal-partitarji, aħna qisna familja waħda.”

Naturalment, meta tim ikun dominanti, xi drabi jista’ jkun diffiċli għall-oħrajn biex ilaħħqu miegħu. Tanti jammetti li l-qabża bejn Qormi u xi timijiet oħra xi kultant tkun kbira.

“Xi kultant id-differenza tkun kbira, mhux ftit,” qal. “Imma fil-kampjonat hemm timijiet li b’naqra sforz jistgħu jsiru sfida vera.”

Madankollu, huwa jemmen li l-aktar ħaġa importanti hija li t-tim jibqa’ jiffoka fuq it-titjib kontinwu.

“Aħna l-għan tagħna huwa li nitjiebu ġimgħa wara l-oħra. Meta jkollok opportunità li tilgħab fl-Ewropa, dik tkun ukoll motivazzjoni kbira.”

Tul il-karriera tiegħu, Tanti kellu wkoll l-opportunità li jirrappreżenta lil Malta fil-livell internazzjonali f’diversi kompetizzjonijiet tal-hockey.

“Li tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali Malti huwa unur kbir,” qal. “Tieħu sehem f’tournaments internazzjonali u tirrappreżenta lil pajjiżek, dak huwa wieħed mill-isbaħ sentimenti li jista’ jkollok bħala atleta.”

Anke wara tant snin fil-hockey, Tanti jemmen li atleta qatt ma jieqaf jitgħallem.

“Jekk ma jkollokx objettivi aħjar tieqaf,” qal b’ton ċar. “Jien dejjem nibqa’ nitgħallem.”

Huwa jispjega li t-tim ta’ Qormi huwa grupp mħallat ta’ plejers lokali u barranin, u dan joħloq opportunità ta’ tagħlim kontinwu.

“Anke mill-plejers barranin titgħallem ħafna. Kull wieħed iġib ideat u esperjenzi differenti.”

Skont Tanti, il-mument li atleta jaħseb li tgħallem kollox ikun il-mument fejn għandu jaħseb biex iwarrab.

“Meta taħseb li taf kollox, hemmhekk ikun wasal iż-żmien li tieqaf. Sakemm tibqa’ titgħallem, tibqa’ tikber.”

Illum, Steve Tanti jibqa’ figura ta’ rispett kbir fil-hockey Malti. Il-lonġevità tiegħu fl-isport, flimkien mal-passjoni u d-dedikazzjoni li wera tul is-snin, jagħmluh wieħed mill-aktar plejers esperjenzati u apprezzati fil-kampjonat.

U minkejja l-esperjenza kollha li għandu warajh, ħaġa waħda tibqa’ ċara: l-imħabba tiegħu għall-hockey għadha qawwija daqs qatt qabel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport